Id-daqqa ekonomika mill-gwerra fl-Ukrajna lill-ekonomija globali, fi żmien meta kienet għadha qed tibda tirpilja mix-xokk tal-Covid-19, ma tawgurax tajjeb għall-ħaddiema. L-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna ġabet żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja (inflazzjoni) filwaqt li naqqset il-prospetti ta’ rkupru ekonomiku. Konsegwentement, fix-xhur li ġejjin il-gvernijiet se jkollhom ikomplu jdaħħlu idejhom fil-but biex itaffu l-impatti ta’ dawn id-daqqiet.

Qabel ma faqqgħet il-gwerra, l-ekonomija globali kienet diġà qed tissielet biex tlaħħaq ma’ nuqqasijiet f’setturi bħas-semiconductors u ċerta materja prima li l-produzzjoni u l-estrazzjoni tagħhom kienu milquta mill-pandemija. Barra minn hekk, l-industrija tat-trasbord u l-ġarr tal-merkanzija ma setgħetx tlaħħaq mad-domanda, bir-riżultat li ċerti nuqqasijiet ġew komplew jaggravaw. Hekk kif kien hemm tamiet kbar li l-pandemija kienet waslet lejn tmiemha, ir-Russja invadiet l-Ukrajna u f’termini ekonomiċi ġabet ħerba sħiħa.

Skond l-NSO, f’Malta l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel fi Frar kienet ta’ 8.4% meta mqabbla mal-istess xahar tal-2021. Minn perspettiva usa’, skont il-Eurostat il-prezzijiet fid-19-il pajjiż taż-żona ewro f’Marzu żdiedu b’rata annwali ta’ 7.5%.

Filwaqt li xi esperti jemmnu li din ir-rankatura fl-għoli tal-ħajja se tonqos fix-xhur li ġejjin, oħrajn qed iwissu li aktar ma ddum il-gwerra fl-Ukrajna, iktar se tkun akuta l-problema. Dan il-kunflitt irriżulta f’żidiet kbar fil-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat u x’aktarx jirriżulta fi spejjeż tal-produzzjoni ogħla fl-irziezet. Il-produzzjoni tal-qamħ u ċ-ċereali li huma elementi ewlenin fl-industrija tal-katina tal-ikel qed jiġu affettwati wkoll peress li kemm ir-Russja kif ukoll l-Ukrajna huma fost l-akbar produtturi fid-dinja. Barra minn hekk, il-fatt li jidher li m’hemmx tmiem ta’ dan il-kunflitt qed ikompli jżid it-tħassib.

Għal eluf ta’ familji Maltin is-sitwazzjoni qed issir aktar iebsa kull darba li jmorru jixtru mis-supermarket jew mill-ħanut tal-merċa. Kuntrarju għall-impressjoni li hawn, l-inflazzjoni mhux qed tolqot  biss lil dawk li jaqilgħu dħul baxx iżda lill-hekk imsejħa klassi tan-nofs ukoll. Ma ninsewx li dawn tal-aħħar ħafna drabi huma dawk li jaqilgħu fuq rashom għax filwaqt li huma meqjusa bħala  ‘sinjuri wisq’ biex jibbenefikaw minn ċerti allowances u għajnuna mill-Istat, fl-istess ħin il-livell ta’ dħul tagħhom mhux daqshekk għoli.

Fil-Baġit 2022 il-gvern kien wiegħed li jintroduċi mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja għal familji bi dħul baxx. Għaddew sitt xhur u wara wasal iż-żmien li d-diskussjoni tintemm biex ikun hemm proposta tanġibbli. Madankollu, dan se jindirizza biss parti mill-problema. Xi ngħidu għall-klassi tan-nofs? Ir-realtà hija li l-għerq tal-problema huwa l-mekkaniżmu tal-COLA. Għal ħafna snin nisimgħu lill-politiċi jirrikonoxxu li din l-għodda għandha tiġi aġġornata. Imma ħaġa tal-għaġeb kif dan il-mekkaniżmu ma jagħti l-ebda piż lill-prezzijiet tal-proprjetà u s-self. Fl-aħħar mill-aħħar il-fatt hu li l-pagi mhumiex ilaħħqu mal-inflazzjoni. Ħadd mhu qed jistenna li l-gvern jagħmel mirakli. Ftit ġimgħat ilu, fl-eqqel tal-kampanja elettorali, konna wissejna kontra li ngħollu wisq l-aspettattivi jew li nagħmlu wegħdiet mhux realistiċi. -ż-żmien tal-prova jinsab fil-qrib. Nittamaw li l-ottimiżmu li kkaratterizza lil Malta fil-ġimgħat li wasslu għall-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu kien imsejjes fuq bażi soda u mhux fuq konvenjenza politika.