Ir-regħba qed tkun il-velenu tas-soċjeta’
Spiss jingħad li l-flus huma l-għerq ta’ kull ħażen. Meta kien qed jikkunsidra n-natura tal-kuntentizza vera fil-ħajja tal-bniedem, il-filosfu Grieg tal-qedem Aristoteli kien elimina l-kunċett tal-flus. Hu għamel dan għax ra li l-flus huma biss strument biex jagħmlu tajjeb għall-ħajja. Jiġifieri, il-flus huma essenzjali biex takkwista l-affarijiet li għandek bżonn.
Jekk wieħed jidħol iktar profond dwar ir-regħba, isib mhux biss l-affarijiet materjali li jistgħu jiġu akkwistati permezz tal-flus, imma wkoll is-sigurta’ u l-indipendenza li l-ġid iġib miegħu. Il-ġid mhux xi ħaġa ħażina fih innifsu. Jgħina nlaħħqu mal-ħtiġiet bażiċi kif ukoll ingawdu l-lussu li jagħmel il-ħajja aħjar. F’ħafna modi, ir-regħba hija mħabba jew xewqa eċċessiva għall-flus u kwalunkwe pussess ieħor. Ir-regħba ma tfissirx biss li tkun moħħok fil-flus u l-affarijiet materjali, iżda li tagħti wisq kas tagħhom. Persuna rgħiba tkun wisq moħħha fl-affarijiet tagħha u ta’ flusha, jew inkella tixtieq aktar flus u aktar affarijiet materjali b’mod eċċessiv. Ir-regħba għandha effetti koroh fuq il-ħajja emozzjonali tal-bniedem. L-ansjeta’ u n-nuqqas ta’ kwiet li nħossu meta nixtiequ xi oġġett, u l-assigurazzjoni falza li mal-kisba tiegħu se nkunu kuntenti u sodisfatti, tpoġġina litteralment f’ċirku vizzjuż.
Filwaqt li r-regħba hi kundizzjoni interna fil-bniedem, hi espressa f’ħafna mill-għażliet li l-persuna rgħiba tagħmel f’ħajjitha. Ħudu l-ispekulaturi tal-art, uħud min-negozjanti tal-proprjeta’ jew sidien tal-kera. Il-flus għamewhom u jaraw x’jagħmlu biex jimpalaw aktar flus, basta jkomplu jistagħnew. Iżda kawża tar-regħba u l-arroganza tagħhom, min qed ibati? Qed ibati l-pubbliku, individwi u familji li spiċċaw vulnerabbli u mhux qed ilaħħqu mal-ħajja. Oħrajn li spiċċaw fil-faqar. Fil-fatt ir-regħba hi relatata mal-ġustizzja. Jekk persuna tkun rgħiba u hi eċċessiva fl-akkwist u ż-żamma tal-affarijiet materjali, tista’ tkun qed iċċaħħad lill-oħrajn mill-ħtiġiet bażiċi tagħhom.
Fl-aħħar nett, hemm xi affarijiet li nistgħu nagħmlu biex niġġieldu r-regħba f’ħajjitna. Jekk inti persuna rgħiba għall-flus, idħol f’qoxortok u analizza l-infieq tiegħek u kkategorizza l-ispejjeż tiegħek. Forsi tiġi lluminat u titbiegħed xi ftit mill-konsumiżmu li jkun ħakmek. Sur spekulatur bla ħniena u negozjant iffissat fuq il-flus. Ieqaf u aħseb f’dawk in-nies li bl-azzjonijiet tiegħek qed tgħarraq il-kwalita’ tal-ħajja tagħhom. Jista’ jkun diffiċli, imma jekk treġġa’ lura l-kuxjenza f’ħajtek, tikkuntenta mhux biss lil ħaddieħor imma anki lilek innifsek.