Kulħadd għandu t-twemmin, il-valuri u l-ħsibijiet li huma fundamentali għalina u li ma nistgħux nimmaġinaw lilna nfusna nikkompromettu fuqhom. 

Aħna nemmnu li, bla dubju, dawn huma tajbin u li kulħadd jispiċċa biex jaqbel jekk dak li jkun jiġi f’sensih. Imma xi kultant irridu nqattgħu xi ħin ma’ persuni li ma jaqblux mal-konvinzjonijiet tagħna. 

Nistgħu nitlewmu fuq opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew dwar il-valuri tal-ħajja. Jekk il-konversazzjoni tmiss dawn is-suġġetti, malajr issir argument. Ħadd ma jħoss li qed jiġi mismugħ jew rispettat. Ikun hemm min jispiċċa rrabjat, konfuż jew imweġġa’.   

Irridu nistaqsu jekk jaqblilniex li nagħmlu lilna nfusna mdejqin jew imweġġgħin f’isem id-difiża tat-twemmin tagħna. Minflok nippriservaw il-‘qdusija’ tal-valuri tagħna, ma jmessniex nagħtu aktar kas tal-persuna li tinsab ħdejna? Mhux aħjar li nkunu kuntenti flimkien milli jkollna raġun waħidna? 

Li tipprova tikkonvinċi lil xi ħadd biex jadotta l-veduti tagħna hu aktar ix-xogħol tal-egoiżmu tagħna. Anki jekk nispiċċaw li jkollna raġun, il-kburija tagħna ma tagħraf ebda sodisfazzjon u tfittex argument ġdid biex taqbad miegħu.  

Il-maturita’ tiġi bl-esperjenza. Lezzjoni partikulari dwar il-maturita’ hi li m’għandniex nieħdu l-ħsibijiet tagħna wisq bis-serjeta’, u rridu nitgħallmu biex inrażżnu l-kburija tagħna u naraw l-istampa iktar wiesgħa li tinsab hemm barra. 

Li jkollna raġun mhuwiex daqshekk importanti daqskemm inkunu kuntenti man-nies li jgħixu madwarna.