Insejna t-tagħlimiet tal-gwerra?

Tmenin sena ilu fit-8 ta’ Mejju 1945, il-pajjiżi Alleati iddikjaraw vittorja fl-Ewropa, u b’hekk intemmet l-iktar gwerra qerrieda li qatt rat id-dinja. It-Tieniċ Gwerra Dinjija ħalliet warajha tiġrif u qerda: aktar minn 70 miljun persuna mejta, bliet meqruda għal kollox, u ġenerazzjoni sħiħa mmarkata b’mod permanenti mill-kruha tal-kunflitt. Iżda minn din it-traġedja, tnisslet ukoll wegħda solenni: “Qatt aktar.”
Illum, hekk kif qed infakkru dan l-anniversarju, din il-wegħda qed tinstema’ kemxejn fiergħa fid-dawl tar-realtà ġdida u perikoluża. Il-gwerra ġiet lura fl-Ewropa. L-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna mhijiex sempliċiment kunflitt reġjonali — hi tfakkira serja li l-ordni dinji wara t-Tieni Gwerra Dinjija, mibni fuq is-sovranità, id-diplomazija u s-sigurtà kollettiva, issa jinsab taħt theddida kbira.
L-istorja qed tirrepeti ruħha b’mod allarmanti. Stat b’saħħtu qed jerġa’ jipprova jibdel fruntieri bil-forza, jittestja d-determinazzjoni tal-komunità internazzjonali, u jhedded l-istess prinċipji li fuqhom twaqqfet il-paċi wara l-1945. Din l-aggressjoni tfakkarna fl-agħar kapitli tal-istorja tagħna — żmien meta imperi użaw il-qawwa biex jisfruttaw lill-pajjiżi ġirien, u meta l-ambizzjonijiet kolonjali kaxkru lil popli sħaħ taħt id-dominju tagħhom.
Kull deċiżjoni li b’xi mod tagħti ġustifikazzjoni jew premju lill-aggressur tkun qed tibgħat messaġġ perikoluż: li l-vjolenza taħdem. Li l-liġi tista’ titgħawweġ bl-intimidazzjoni. Li d-dinja reġgħet bdiet titmexxa minn min għandu l-aktar poter militari. Dan ma jkunx biss falliment morali — ikun ukoll qawmien mill-ġdid ta’ dinja antika fejn min hu b’saħħtu jħawwel.
Hemm min jikkritika l-investiment fl-infiq fuq id-difiża, u dawn il-fehmiet jistħoqqilhom jinstemgħu. Iżda l-istorja għallmitna — b’uġigħ kbir — meta tibqa’ kompletament espost u titkellem biss fuq tama u rieda tajba mhux strateġija. Huwa riskju. Il-paċi li qegħdin ingawdu llum ma ġietx b’kumbinazzjoni; ġiet garantita wkoll minn deterrent u minn sens ta’ għaqda.
Qegħdin f’sitwazzjoni delikata ħafna. Kull konċessjoni lill-aggressur iddgħajjef il-liġi internazzjonali. Kull nuqqas li niddefendu s-sovranità ta’ pajjiż ikun qed jherri l-valuri li fuqhom twaqqfet l-Ewropa tal-lum. Jekk irridu nfakkru t-tmiem tat-Tieni Gwerra b’sinifikat reali, irridu nfakkru wkoll l-ideali li ħarġu minnha: il-libertà, id-demokrazija, is-sovranità, u l-paċi permezz tal-għaqda.
Ejjew nonoraw lil dawk li ħelsu lill-Ewropa billi niddefendu dak li emmnu fih. Ma ninsewx: il-paċi mhijiex biss nuqqas ta’ gwerra, iżda ġustizzja — u rieda soda li ngħidu le għat-tirannija kull fejn u meta tfeġġ.
Qegħdin verament niddefendu l-paċi — jew qed nittamaw li l-paċi tiddefendi lilha nnifisha?