Fl-2023, 329 ċittadini mhux mill-Unjoni Ewropea akkwistaw passaport Malti permezz tal-iskema tal-passaporti, b’kontribuzzjonijiet totali li laħqu €80.6 miljun.
Dawn id-dettalji ġew żvelati mir-regolatur ta’ din l-iskema kontroversjali fir-rapport annwali li ġie ppubblikat ftit ġimgħat qabel id-deċiżjoni storika mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li x-xahar li għadda qatgħetha li din l-iskema tikser il-liġi tal-UE.

Fl-ewwel reazzjoni, il-Gvern qal li se jkun qed jistudja s-sentenza bl-intenzjoni li jġib l-iskema konformi mal-prinċipji li ġew stabbiliti fid-deċiżjoni. Madankollu, ma ġewx żvelati aktar dettalji, u sa meta nkiteb dan l-artiklu, il-futur tal-iskema – inkluż id-destin ta’ applikazzjonijiet pendenti – kien għadu inċert.

Mir-rapport tal-2023 jirriżulta li ġew approvati 96 applikazzjoni għaċ-ċittadinanza, bi 104 naturalizzazzjonijiet ta’ applikanti ewlenin u 225 oħra ta’ dipendenti tagħhom. In-numri ma jaqblux għaliex l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet mhux dejjem jieħu l-istess żmien.

L-iskema ġiet imnedija fl-2014 u kienet sors ewlieni ta’ dħul għall-Gvern Laburista, bi dħul totali stmat li jaqbeż il-€1.4 biljun. Fl-2020, l-iskema, li sa dak iż-żmien kienet tissejjaħ Programm Individwali ta’ Investiment (IIP), ġiet emendata u rebranded bħala l-Għoti ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali (GCES). Madankollu, xorta baqgħet skema ta’ xiri ta’ passaporti. Għalhekk, ir-rapport annwali tal-2023 jinkludi sezzjoni dwar il-GCES u sezzjoni oħra dwar l-applikazzjonijiet tal-IIP li għadhom mhux ipproċessati.

Fl-2023, ġew sottomessi 299 applikazzjoni – ovvjament taħt l-iskema GCES – li kienu jinkludu 616 dipendenti. 23 applikant ewlieni ġew meqjusa bħala mhux eliġibbli, filwaqt li 96 ġew approvati u 87 ġew naturalizzati, flimkien ma’ 172 dipendent ieħor li wkoll ġew naturalizzati. Għalkemm ma kien hemm l-ebda applikant tal-IIP li ngħata approvazzjoni, kien hemm 17 li xorta ġew naturalizzati flimkien ma’ 53 dipendenti.

Ir-rapport jinkludi wkoll distribuzzjoni ġeografika tal-applikanti, għalkemm ma jingħatawx dettalji dwar in-nazzjonalità jew l-identità tagħhom. Il-benefiċjarji jiġu ppubblikati biss fil-Gazzetta tal-Gvern flimkien ma’ barranin oħra li akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija matul is-sena. Fl-2023, il-maġġoranza kbira tal-applikanti kienu mill-Asja (153), segwiti minn pajjiżi Ewropej barra l-UE (40), u l-Amerka ta’ Fuq (38).

Rekwiżit importanti tal-iskema huwa li l-applikant għandu jixtri proprjetà ta’ mill-inqas €350,000 jew inkella jagħmel ftehim ta’ kiri ta’ mill-inqas €16,000 fis-sena għal perjodu ta’ ħames snin. Ħlief għal xi eċċezzjonijiet, kważi l-applikanti kollha għażlu l-aktar rotta irħisa jiġifieri li jikru post, peress li kien hemm biss 4 applikanti tal-GCES u tnejn tal-IIP li xtraw proprjetà. Madankollu, f’dawn il-każijiet, kull proprjetà kienet tiswa aktar minn €1 miljun.

Rekwiżit ieħor huwa li ssir donazzjoni lil xi NGO, u f’dan il-każ l-ammont totali mogħti fl-2023 kien ta’ €1.15 miljun.