Il-Parlament adotta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għall-Istrateġija Ewropea dwar ir-Reżiljenza tal-Ilma, mistennija mill-Kummissjoni qabel is-sajf 2025.

Fir-rapport, adottat b’470 vot favur, 81 kontra u 92 astensjoni, il-MPE jappellaw għal strateġija ambizzjuża biex l-UE timmaniġġja r-riżorsi tal-ilma tagħha b’mod aktar effiċjenti u twieġeb aħjar għall-isfidi marbuta mal-ilma. L-ilma mhuwiex essenzjali biss għal ħajjet u saħħet in-nies, iżda huwa wkoll ċentrali għall-ekonomija, il-kompetittività, u l-isforzi dwar l-adattament għall-klima fl-Ewropa.

Miri dwar l-effiċjenza tal-ilma, tnaqqis tat-tniġġis u tħejjija aħjar għad-diżastri

Il-Membri tal-PE jridu li l-Kummissjoni tipproponi miri settorjali għall-effiċjenza tal-ilma u l-estrazzjoni tal-ilma (it-teħid tal-ilma minn sors tal-wiċċ jew minn taħt l-art) ibbażati fuq valutazzjonijiet tar-riskju.

L-UE trid tagħmel aktar biex tnaqqas it-tniġġis tal-ilma minn farmaċewtiċi, pestiċidi u fertilizzanti kimiċi, batterji reżistenti għall-antibijotiċi, mikroplastiċi u kimiċi, u biex telimina gradwalment l-hekk imsejħa “kimiċi permanenti” (PFAS).

Il-Parlament irid li l-adattament għall-klima jiġi integrat fi pjanijiet settorjali u miżuri ta’ politika li jaffettwaw l-użu tal-ilma u tal-art, kif ukoll miżuri mfassla apposta għal reġjuni li jaffaċċjaw sfidi uniċi, bħall-Mediterran, gżejjer, u reġjuni ultra-periferiċi. Barra minn hekk, il-mekkaniżmi ta’ tħejjija u rispons għall-kriżijiet fejn ikun hemm skarsezza ta’ ilma, nixfa u għargħar iridu jittejbu b’mod sinifikanti.

Finanzjament dedikat u innovazzjoni diġitali

Il-Membri tal-PE qed jitolbu lill-Kummissjoni biex tagħmel disponibbli finanzjament dedikat għar-reżiljenza tal-ilma, sostnut minn mekkaniżmi speċifiċi fi ħdan fondi eżistenti, biex timmodernizza l-infrastruttura tal-ilma, il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u teknoloġiji innovattivi effiċjenti fl-użu tal-ilma.

Huma jħeġġu lill-Kummissjoni biex tinvesti f’soluzzjonijiet ta’ intelliġenza artifiċjali (AI), is-sejba ta’ ħsarat (leaks) f’ħin reali, irrigazzjoni intelliġenti, u teknoloġiji emerġenti li jtejbu l-effiċjenza tal-ilma. Huma jenfasizzaw ukoll l-importanza ta’ għodod diġitali għall-ġbir trasparenti tad-data, sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ twissija bikrija, kif ukoll it-titjib tas-sigurtà diġitali tal-infrastrutturi kritiċi tal-ilma.

Kwotazzjoni

Ir-Rapporteur Thomas Bajada (S&D, MT) qal: “Niesna – il-familji tagħna, il-bdiewa u n-negozji tagħna – jistħoqqilhom ilma nadif, sigur u bi prezz raġonevoli. Dan ifisser li mmorru mill-wegħdiet għall-azzjoni reali u li torbot. Ma nifilħux nittrattaw l-ilma bħala riżorsa infinita. Huwa għalhekk li dan ir-rapport jitlob miri infurzabbli dwar l-effiċjenza u l-estrazzjoni tal-ilma – għal kull settur. Nappellaw għal rispons qawwi madwar l-UE kontra t-tniġġis, inkluż it-tneħħija gradwali tal-PFAS kull fejn jeżistu alternattivi sikuri. Għax dawn il-“kimiċi permanenti” m’għandhomx post f’futur sostenibbli. Irridu ninvestu wkoll f’soluzzjonijiet li jaħdmu: irrigazzjoni moderna, sistemi intelliġenti ta’ riċiklaġġ, monitoraġġ f’ħin reali, u infrastruttura li tipprevjeni t-tnixxijiet qabel ma jseħħu. Dawn mhumiex xi lussu – huma l-għodod li neħtieġu biex nipproteġu saħħitna, is-sistemi tal-ikel tagħna u l-futur tagħna.”

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni mistennija tadotta l-Istrateġija Ewropea dwar ir-Reżiljenza tal-Ilma qabel is-sajf, skont il-programm ta’ ħidma tagħha għall-2025.

Sfond

It-tniġġis, id-degradazzjoni tal-ħabitats, l-impatt tat-tibdil fil-klima, u l-użu żejjed tar-riżorsi tal-ilma ħelu qed ipoġġu pressjoni fuq il-lagi, ix-xmajjar, l-ilmijiet kostali u l-ilmijiet ta’ taħt l-art fl-Ewropa, bl-istress tal-ilma jaffettwa 20% tat-territorju tal-Ewropa u 30% tal-popolazzjoni kull sena. Huma biss 39.5% tas-sorsi tal-ilma tal-wiċċ tal-Ewropa li kisbu status ekoloġiku tajjeb u 26.8% biss kisbu status kimiku meqjus ‘tajjeb’ taħt l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma.