Hekk kif joqrob l-1 ta’ Mejju, il-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tagħhom għal darb’oħra jiġu fil-qalba tad-diskussjoni. Il-partiti politiċi jorganizzaw attivitajiet kbar, il-midja tagħti spazju prominenti lill-kwistjonijiet tax-xogħol, u nisimgħu wegħdi fuq kwalità ta’ ħajja aħjar. Iżda bil-kemm jgħaddu ftit jiem li din l-enfasi dwar id-drittijiet tal-ħaddiema tgħib u kollox donnu jingħata l-ġenb.

Għal ħafna, dawn il-ġranet jistgħu ikunu biss retorika. Wara l-kliem sabiħ u x-xinxilli, hemm realtà li ħafna drabi tibqa’ mistura – dik tal-ħaddiema li huma minsija. Fosthom hemm dawk minn pajjiżi terzi li jservu s-soċjetà tagħna – jwasslu l-ikel, inaddfu, jibnu u jieħdu ħsieb il-morda – iżda jitħallsu bil-paga minima, jgħixu f’appartamenti iffullati, u xi drabi tinqatalhom il-paga abbużivament. Hemm ukoll indikazzjonijiet allarmanti li xi drabi min iħaddem iġib ħaddiema barranin f’Malta mhux għal impjieg immedjat, imma biex iżomm “stokk” lest – daqs li kieku kienu oġġetti u mhux bnedmin. Dan ma hu xejn ħlief sfruttament tal-bniedem.

Jeżistu wkoll problemi oħra serji li jixirqilhom iktar minn sempliċi referenza darba fis-sena. Il-fertilità f’Malta tinsab madwar 1 – ferm inqas mil-livell meħtieġ ta’ 2.1 biex il-popolazzjoni tibqa’ kif inhi llum. Minkejja dan, nisa li jieħdu pawsa mill-karriera biex irabbu t-tfal jiġu penalizzati għall-bqija ta’ ħajjithom. Dan għaliex jitilfu s-snin ta’ servizz li matulhom ikunu waqfu biex irabbu, u b’hekk ma jingħatawx l-istess opportunitajiet meta jirritornaw għax-xogħol. L-ironija f’dan kollu  li jekk se nibqgħu sejrin hekk  mhux se jibqa’ familji biex Jum il-Ħaddiem niċċelebraw fl-imkien.

Kull sena nisimgħu l-istess: “paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali.” Imma l-ħaddiema tal-kuntratturi fis-settur pubbliku għadhom mhumiex jitħallsu daqs sħabhom. L-Avviż Legali 128, li daħal fis-seħħ fil-bidu tas-sena, kellu jindirizza dan. Sa issa ma nbidilx xejn u l-inġustizzji għadhom hemm.

Barra minn hekk, il-proposta ta’  sħubija mandatorja f’union għal ħaddiema bi dħul baxx – għax dawn huma l-aktar ħaddiema f’riskju ta’ sfruttament – ilha snin tiġi mwiegħda iżda baqgħet fuq l-ixkaffa. Kemm se nibqgħu nistennew?

Jum il-Ħaddiem m’għandux ikun biss festa tal-kisbiet passati. Għandu jkun sejħa għall-azzjoni. Mument biex nirriflettu fuq fejn fallejna u fejn għad fadlilna naħdmu. Għandu jkun jum fejn dawk l-aktar vulnerabbli jinstemgħu tassew.

Il-lista ta’ miri mhux milħuqa qed tkompli titwal kull sena. U jekk ma jkunx hemm bidla vera, il-messaġġ jibqa’ wieħed: il-ħaddiema huma importanti – għal ġurnata waħda biss.