Insaħħu r-rappreżentazzjoni tan-nisa f’pożizzjonijiet għoljin
Huwa fatt magħruf li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat. Fil-fatt, bħala medja, in-nisa jammontaw għal 23.3 fil-mija bħala membri f’bord ta’ kumpaniji kbar fl-UE. Agħar minn hekk, huma biss 7 fil-mija ta’ chairpersons ta’ bord, presidenti u kap eżekuttivi ta’ kumpaniji kbar fl-UE li huma nisa. Dan huwa inġust u hemm potenzjal li mhux qed jintlaħaq.
Skont l-aħħar riċerka, kumpaniji b’rappreżentazzjoni għolja ta’ nisa f’pożizzjonijiet għoljin spiss jirreġistraw prestazzjoni aħjar fl-organizzazzjoni u f’dak finanzjarju. Barra minn hekk, 65 fil-mija ta’ gradwati mill-Università huma nisa, sinjal li aktar rappreżentazzjoni ugwali għandha tkun fis-seħħ f’karigi għoljin kemm f’entitajiet tal-Gvern u dawk privati.
Għalhekk, ma tkunx sorpriża li waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni von der Leyen hi li jkun trattat dan in-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni u tagħmilha ċara li tkun ta’ prijorità fuq l-aġenda politika. Dan intwera fl-għażla ta’ rappreżentanti nisa f’livelli għoljin fil-Kummissjoni Ewropea.
Fil-fatt, Ursola von der Leyen, l-ewwel president mara tal-Kummissjoni Ewropea, irnexxielha (kważi) tikseb il-parità fil-ġeneru fil-kulleġġ tagħha tal-Kummissarji peress li 11 minn 26 Kummissarju huma nisa. Għalhekk, hemm stennija kbira li l-Kummissjoni preżenti tressaq miżuri konkreti favur il-bilanċ fil-ġeneru fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fuq bordijiet ta’ kumpaniji fix-xhur li ġejjin. Dan forsi jittraduċi ruħu f’rappreżentazzjoni aħjar tan-nisa f’pożizzjonijiet għoljin fis-snin li ġejjin.