Id-djalogu soċjali huwa ċentrali għat-teħid tad-deċiżjonijiet, għax jassigura li l-opinjonijiet u l-esperjenzi taċ-ċittadini jikkontribwixxu direttament għat-ratifikazzjoni tal-liġijiet madwar l-UE u  fi ħdan l-istati membri tagħha. Permezz tad-djalogu soċjali, iċ-ċittadini jistgħu jinvolvu lilhom infushom direttament fil-proponiment tal-atti legali, il-pożizzjonijiet meħudin mill-istati membri, u kif il-liġijiet huma implimentati fuq livell lokali. 

F’Malta, il-MEUSAC huwa l-aġenzija għad-djalogu soċjali dwar l-oqsma kollha relatati mal-leġislazzjoni Ewropea. Sabiex jassigura li l-opinjonijiet taċ-ċittadini u n-negozji jkunu mismugħa, il-MEUSAC imexxi proċess konsultattiv strutturat, u jġib flimkien il-partijiet interessati u entitajiet  tal-Gvern biex jiddiskutu proposti magħmulin mill-Kummissjoni Ewropea, il-pożizzjoni ta’  Malta fuq tali proposti fi ħdan il-Kunill tal-UE, kif ukoll it-traspożizzjoni ta’ direttivi f’leġislazzjoni lokali. 

Barra minn hekk, il-MEUSAC ukoll nieda Policy Tracker. L-iskop tiegħu hu li jżomm lill-pubbliku aġġornat dwar diversi politiki li qed jiżviluppaw, filwaqt li jagħti faċilità lill-partijiet interessati biex jipprovdu r-reazzjoni tagħhom fuq l-internet. 

Għal aktar informazzjoni dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni u kif inti tista’ tkun iżjed involut, ikkuntattja lill-MEUSAC fuq info.meusac@gov.mt jew ċempel fuq 2200 3300.