Kull sena, triljun basket tal-plastik, li jintużaw darba biss, qed jiġu wżati. Dawn huma ekwivalenti għal żewġ miljun basket kull minuta. Diversi pajjiżi japplikaw livelli differenti fl-użu tal-plastik, iżda l-pajjiżi kollha tad-dinja għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex inaqqsu dan l-użu.  

Il-plastik jinsab kullimkien fid-dinja. Hu materjal fantastiku li tejjeb sewwa lis-soċjeta’. Fl-istess waqt, il-plastik qatel ħafna annimali u pjanti filwaqt li qered is-sbuħija tal-pjaneta b’mod sħiħ. Jekk il-plastik ikun riċiklat bis-serjeta’, ħafna minn dawn il-problemi ma jeżistux. Madankollu, aħna ngħixu f’soċjeta’ konsumerista u li moħħna biex narmu l-affarijiet. 

Il-mutur prinċipali biex il-basktijiet u kontenituri tal-plastik ikunu projbiti hu li nnaqqsu kemm il-plastik jsib ruħu fil-baħar. Statistika internazzjonali turi li madwar 94  fil-mija tal-għasafar kollha għandhom il-plastik fl-istonku tagħhom, li wkoll jinstab fl-istonku ta’ diversi speċi li huma fil-periklu. Mill-inqas 267 speċi differenti ta’ annimali sofrew minħabba indiġestjoni jew għax tħabblu mal-plastik. 

Mhux sigriet li l-basktijiet tal-plastik jiswew ħafna u li aħna għadna nħallsu tal-użu tagħhom matul ħafna snin. F’Malta l-mentalita’ qed tinbidel u l-biċċa l-kbira hi li ħafna konsumaturi qed jieħdu l-basktijiet tagħhom meta jmorru jixtru fis-supermarkets; anki l-ħwienet qed joqogħdu lura milli jagħtu  basktijiet tal-plastik u l-oġġetti tagħhom, minflok, qed jitqiegħdu f’basktijiet tal-karti qabel ma jiġu mgħoddija f’idejn il-konsumatur.  

Regolamenti ġodda, li ġew proposti mill-Kummissjoni Ewropea matul il-ġimgħa li għaddiet, qed jimmiraw oġġetti tal-plastik użati darba biss u li l-aktar jinstabu fuq xtajtiet u ibħra  Ewropej. Dawn l-oġġetti jammontaw għal 70 fil-mija tal-iskart kollu li jispiċċa fil-baħar. Ir-regolamenti, fost oħrajn, jistgħu jipprojbixxu l-cotton  buds tal-plastik, il-pożati, platti, straws, oġġetti li jħawdu l-likwidi fit-tazzi u bsaten għall-bżieżaq. Kontenituri tal-plastik li jintużaw darba biss għax-xarbiet se jkunu permissibbli biss jekk l-għotjien tagħhom jibqgħu fissi. 

Malta, gżira f’nofs il-Mediterran, għandha tixpruna l-inizjattivi tal-Unjoni Ewropea  u tkun minn ta’ quddiem biex timplimenta politika ta’ tolleranza zero fir-rimi ta’ skart ġenerat mill-plastik. Ejja nieħdu l-inizjattiva u ma nħallux stati membri oħrajn fl-UE jieħdu r-riedni minnha.  

Intant, filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti f’pajjiżna qed jissoktaw fit-tindif mir-rimi tal-iskart tal-plastik, ilkoll kemm aħna għandna naċċettaw xi responsabbilta’ personali biex insalvaw il-pjaneta tagħna.