Minn studju li kien sar mid-ditta tal-awdituri PricewaterhouseCoopers fl-2016, irriżulta li l-obeżita’ fl-adulti qed tiswa lil Malta €36 miljun fis-sena.  

F’intervista li saret ma’ Dr.  Charmaine Gauci, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, hi qalet li dan l-istudju nħadem fuq kemm hemm mard li jista’ jiġi kaġunat mill-obeżita’. 

Dr. Gauci fissret li skont l-aħħar studji, 61 fil-mija tal-popolazzjoni adulta Maltija, ‘il fuq minn 18-il sena, għandhom piż żejjed jew inkella huma obeżi. Meta dan il-perċentwal jitqabbel ma’ pajjiżi oħrajn, naraw li ħafna minnhom għandhom perċentwali simili. Ir-rata tal-Iżlanda hi ta’ 57.6 fil-mija segwita b’dik tal-Kroazja (57.4 fil-mija), tar-Repubblika Ċeka (56.8 fil-mija), tal-Greċja (56.7 fil-mija) u tas-Slovenja (56.6 fil-mija).  

Informazzjoni preċedenti kienet tgħid li Malta kienet fil-quċċata fejn għandu x’jaqsam il-piż żejjed u l-obeżita’ imma, fejn jidħlu t-tfal, ir-realta’ hi differenti. Skont iċ-Childhood Obesity Surveillance Initiative, li hi mħaddma mill-Organizzazzjoni  Dinjija tas-Saħħa (WHO) u li tinvolvi tfal ta’ bejn is-seba’ u t-tmien snin, jirriżulta li f’Malta 37 fil-mija tas-subien għandhom piż żejjed jew obeżi filwaqt li l-bniet jammontaw għal 35 fil-mija.  

Meta nqabblu dawn iċ-ċifri ma’ pajjiżi oħrajn, naraw li fis-subien, l-aktar pajjiż li għandu perċentwali għoli hu Ċipru bi 43 fil-mija segwit mill-Greċja, l-Italja  u Spanja bi 42 fil-mija; San Marino (39 fil-mija) filwaqt li Malta flimkien mal-Kroazja u l-Montenegro il-perċentwal hu dak ta’ 37 fil-mija.  

Jekk inħarsu lejn il-bniet, Ċipru jibqa’ fil-quċċata bil-perċentwal ta’ 43 fil-mija segwit minn Spanja (41 fil-mija),  il-Greċja u l-Italja (38 fil-mija) u Malta (35 fil-mija). 

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li l-Gvern irid jara li x-xejra tibda nieżla u jissokta bl-inizjattivi sabiex il-problemi tal-obeżita’ fl-etajiet kollha tal-popolazzjoni Maltija jitnaqqsu. 

Mistoqsija minn Voice of the Workers dwar x’qed ikun il-kaġun tal-obeżita’ u l-piż żejjed, minkejja l-kampanji edukattivi fl-iskejjel u fil-media, Dr. Gauci qalet li hemm  diversi fatturi li jaffettwaw il-piż tal-persuna. Hi stqarret li jekk issir analiżi tal-individwu wieħed irid jara x’dieta qed japplika f’ħajtu u kemm qed jagħmel attivita’ fiżika. Min-naħa ta’ dieta tajba, jidher li l-popolazzjoni Maltija ddevjat mid-dieta Mediterranja. Hi qalet li bħalissa n-National Food Consumption Survey qed ikun analizzat  u minn dan nistgħu nkunu nafu x’inhi d-dieta  tal-Maltin u liema ikel qed jikkontribwixxi  għall-problema tal-piż żejjed.  

Dr. Gauci saħqet li l-attivita’ fiżika hi importanti ħafna iżda l-Maltin mhux qed jiċċaqilqu kemm hemm bżonn. Is-Supretendenza taħdem ħafna fuq l-għażla individwali billi tesegwixxi l-kampanji u tagħti linji gwida lill-adulti. Inqalbet ukoll is-sistema li flok il-piramida tal-ikel, l-individwu jkun edukat skont l-ammont li għandu jkollu fuq il-platt kif ukoll il-porzjonijiet li wieħed suppost għandu jiekol biex iżomm dieta bilanċjata. 

Fil-jiem li għaddew inħarġu wkoll linji gwida u lista’ ta’ porzjonijiet indirizzati lit-tfal, b’tagħrif dwar l-aħjar ikel li jrid jiġi kkunsmat sabiex jgħixu u jiżviluppaw aħjar.  

Dr. Gauci qalet li dawn il-kampanji qed ikunu enfasizzati fil-media, speċjalment  fil-media soċjali. Barra minn hekk diversi professjonisti fin-nutrizzjoni, mhux biss qed imorru jitkellmu fuq ir-radju jew fl-istazzjonijiet tat-televiżjoni, imma qed jagħtu taħditiet fil-kunsilli lokali u fl-iskejjel biex il-pubbliku jkun mgħallem u edukat iżjed. 

Is-Supretendent  tas-Saħħa Pubblika żiedet li l-ġenituri tat-tfal fl-iskejjel qed jingħataw l-għajnuna sabiex jagħmlu l-aħjar lunches lil uliedhom. Hawnhekk, il-UĦM Voice of the Workers tfakkar f’proposta li hi kellha għall-Budget ta’ din is-sena. Din il-union kienet ipproponiet li jekk jingħata lunch sustanzjuż b’xejn lit-tfal, jiġu eliminati diversi problemi. Dan l-inċentiv joffri numru ta’ vantaġġi, fosthom, ikel ta’ kwalita’ u ċavetta fil-ġlieda kontra l-obeżita’ fit-tfal.  

F’termini ta’ ċifri, din il-proposta tista’ twassal għal aktar minn tmien miljun lunch fis-sena lit-tfal tal-iskola, jistgħu jiġu wżati fondi tal-Unjoni Ewropea biex jiffinanzjaw l-investiment inizjali fl-iskejjel u l-promozzjoni ta’ din il-miżura, filwaqt li dan l-investiment min-naħa tal-Gvern hu kkalkulat li jiġġenera €15-il miljun fl-ekonomija. 

Hemm ukoll inizjattiva, li ilha għaddejja għal numru ta’ snin, fejn permezz tad-drama qed jitwasslu messaġġi lit-tfal tal-iskejjel sabiex jagħżlu ikel bnin u nutrittiv. 

Dr. Gauci qalet li qed issir ħidma ma’ diversi entitajiet,  fosthom mal-kunsilli lokali, sabiex l-ambjent tal-post ikun iżjed attraenti u allura l-bankini,  fost oħrajn, qed jiġu  rranġati sabiex il-pubbliku jkun jista’ jagħmel l-attivita’ fiżika. Is-Supretendenza qed tkompli timxi mal-inizjattivi tal-Healthy Weight  for Life Strategy tal-2012 sabiex l-obeżita’ fl-adulti u fit-tfal tkun indirizzata u miġġielda. Fl-2016 kien twaqqaf kumitat, (wara li daħal fis-seħħ l-Att dwar l-Istili tal-Ħajja f’Jannar 2016), fejn professjonisti u uffiċjali minn diversi entitajiet, qed  jaħdmu biex joħolqu ideat ġodda ħalli l-kwistjoni tal-obeżita’ fil-pajjiż tkun trattata iżjed. Qed ikunu organizzati programmi b’xejn fiċ-ċentri tas-saħħa jew fil-kunsilli lokali u nies li għandhom piż żejjed qed jibbenefikaw minn servizzi dwar x’inhu l-aħjar ikel li għandhom jieklu kif ukoll jieħdu sehem f’sessjonjjiet ta’ aerobics. 

Għaldaqstant is-Supretendenza qed taħdem fuq żewġ binarji: li tilħaq lill-popolazzjoni permezz tal-kampanji edukattivi u l-inizjattivi kif ukoll tgħin  lil min għandu piż żejjed b’mod individwali. 

Barra minn hekk qed isir taħriġ, (li beda sentejn ilu, kompla s-sena l-oħra u qed jitkompla din is-sena), għal professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-Saħħa, partikularment għat-tobba tal-familja. Dan il-programm ta’ taħriġ hu appoġġjat minn European Association for the Study of Obesity tant li rappreżentanti minn  din l-assoċjazzjoni żaru Malta biex jipprovdu t-taħriġ.   

Intant is-Supretendenza qed taħdem biex ikun hemm ċertu kriterji sabiex il-miri jkunu jistgħu jintlaħqu. Meta Gvern Nazzjonalista beda jaħdem fuq is-suġġett tal-obeżita’ fl-2008, kien osservat li fit-tuck shops fl-iskejjel kien qed jinbiegħ minn kollox. Sussegwentament bdew inizjattivi fl-iskejjel fejn fit-tender li joħroġ għat-tuck shops, (li jkunu out-sourced), jiġi elenkat dak l-ikel li  hu permissibbli u dak li mhux tajjeb għas-saħħa. Għandha tkun ir-responsabbilta’ tal-kap tal-iskola li jara/tara li s-sid tat-tuck shop jimxi mal-kriterji stabbiliti.  

Barra minn hekk, is-Supretendenza qed tagħmel awditjar fl-iskejjel fejn l-ispetturi tas-saħħa ambjentali jagħmlu żjarat biex jaraw x’tip ta’ ikel qed ikun provdut lit-tfal. Ma tonqosx il-viġilanza tal-ġenituri li mhux l-ewwel darba  jiġbdu l-attenzjoni tas-Supretendenza tant  li din tal-aħħar tieħu azzjoni immedjata. Sena wara oħra, is-Supretendenza rat li t-tuck shops qed jimxu pari passu mal-linji gwida stabbiliti fil-provvediment tal-ikel lill-istudenti. 

Dr. Gauci tkellmet ukoll dwar riċetti ta’ ikel indirizzati lill-ġenituri għal uliedhom, riċetti sempliċi li jistgħu jintlaħqu minn kulħadd. Fil-fatt, twaqqfet taqsima fi ħdan is-Supretendenza, li flimkien ma’ entitajiet oħrajn, tindirizza id-determinanti soċjali tas-saħħa bħall-edukazzjoni, l-impjiegi u l-housing. It-Taqsima  applikat għal fondi soċjali mill-Unjoni Ewropea u f’Marzu ta’ din is-sena bdiet taħdem fuq proġett ta’ kważi €3 miljun bl-iskop li tindirizza l-ko-relazzjoni bejn l-obeżita’ u familji b’livell edukattiv baxx u fatturi oħrajn li jaffettwaw is-saħħa.