Il-UĦM temmen bil-fatt li n-nisa għandhom ikunu f’pożizzjoni ta’ deċiżjonijiet
Il-UĦM Voice of the Workers qed taħdem biex il-parteċipazzjoni tal-mara tiżdied fl-ogħla livelli tas-soċjetà, ewlieni fosthom fost l-imsieħba soċjali fejn jittieħdu deċiżjonijiet importanti li jolqtu l-postijiet tax-xogħol tal-familji.
Xhieda ta’ dan hu l-fatt li fl-aħħar snin in-nisa fi ħdan l-istrutturi tal-union żdiedu fosthom fuq livell ta’ management. Fil-preżent waħda mit-tliet assistent diretturi tal-UĦM hija mara, waqt li hemm żewġ managers nisa. Bejniethom dawn ikopru entitajiet pubbliċi fosthom aġenziji tal-Gvern, is-settur privat li jinkludi dawk il-kumpaniji li jaħdmu mal-Wasteserv, l-edukazzjoni u l-oqsma soċjali.
Minħabba l-isterjotipi, dan ix-xogħol ma kienx faċli għalihom, imma bid-determinazzjoni u ħiliet tagħhom dawn in-nisa ma qatgħux qalbhom imma komplew jaħdmu bi sħiħ biex kissru dawn l-ideat żbaljati.
Il-UĦM dejjem ħeġġet u edukat lil ħaddiema biex jkun hemm rappreżentati nisa li jirrappreżentaw lil ħaddiema fil-kumitati tal-post ta’ xogħol. Xhieda ta’ dan hu l-fatt li hemm rappreżentazzjoni ugwali fil-kumitati u li f’kull ftehim kollettiv li l-UĦM tagħmel ma toqgħodx tħares jekk il-membri humiex irġiel jew nisa waqt in-negozjar fuq id-drittijiet u l-kundizzjonijiet, għax dawn huma l-istess.
“In-nisa m’għandhomx bżonn karità għax għandhom il-potenzjal li jiksbu suċċess. Iridu biss li jkollhom ċans daqs l-irġiel u ma jitpoġġewx f’keffa differenti,” sostniet Isabelle Farrugia li hi assistent direttur fil-UĦM.
Minn naħa tagħha Antoinette Aquilina employment manager fil-UĦM sostniet li l-mara għandha jkollha rwol fil-proċess tad-deċiżjonijiet u għandu jkun hemm rappreżentanza ta’ nisa f’kull livell.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella qal li l-union mhux se tieqaf hawn u se tkompli taħdem biex twettaq dak li temmen fih u tkun ta’ eżempju.
“Fiż-żmien li ġej il-ħsieb hu li jkun hemm iktar nisa f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fi ħdan il-union biex inkunu nistgħu naqdu l-missjoni tagħna lejn il-membri bl-aħjar mod possibbli filwaqt li nipprattikaw il-prinċipji li dejjem nisħqu dwarhom jiġifieri li m’għandu jkun hemm l-ebda forma ta’ diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa.”