Studju li sar dan l-aħħar mill-Awtorità tad-Djar wera kif żewġ terzi ta’ dawk li japplikaw għal akkomodazzjoni soċjali huma ommijiet single. In-nisa jammontaw għal tlieta minn kull erba’ applikanti u nofs l-applikanti għandhom bejn 26 u 45 sena. Kif mistenni terz m’għandhomx xogħol u għalhekk  lanqas il-mezzi finanzjarji biex jixtru jew jikru propjetà. Madanakollu, hemm 29 fil-mija li minkejja li jaħdmu xorta mhux ilaħħqu mal-ħajja tant li qed japplikaw għall-akkomodazzjoni soċjali. Mill-istudju jirriżulta wkoll li d-dħul medju tal-applikanti hu ta’ €755 fix-xahar (madwar €9,00 fis-sena) waqt li dak li jgħixu biss fuq is-servizzi soċjali iddikjaraw li jaqilgħu €530 fix-xahar (€6,360 fis-sena).

Il-bini tal-housing estates fis-snin sebgħin u tmenin kien taffa din il-problema għal eluf ta’ familji. Fl-aħħar snin il-problema tal-housing reġgħet bdiet tgħolli rasha. Il-Gvern inqabad fuq sieq waħda għax ma kellux stokk adegwat ta’ bini disponibbli. Bil-lista ta’ stennija tal-Awtorità tad-Djar tkompli tiżdied il-Gvern nieda proġett vast ta’ 800 post ta’ akkomodazzjoni soċjali – proġett li sal-lum għadu mhux lest.

Madankollu, il-Gvern kompla għarraq is-sitwazzjoni bil-politika tiegħu stess li jkabbar l-ekonomija permezz ta’ żieda qawwija fil-popolazzjoni. Din wasslet għal żieda qawwija fir-rati tal-kirjiet. Kif tista’ koppja tikkompeti fil-prezz meta sid il-kera għandu l-għażla li joffri rati orħos u jaqla’ iktar billi jdaħħal numru kbir ta’ persuni  fl-istess propjeta qishom sardin? Il-politika ta’ cheap labour qed twassal ukoll biex saħansitra flok postijiet qed jibdew jinkrew is-sodod biss.  

Sfortunatament, kontrolli f’dan ir-rigward ftit li xejn jeżistu biex ikun assigurat li ma jseħħux abbużi. Bl-istess mod li jeżistu parametri fuq il-massimu ta’ persuni li jistgħu ikunu akkomodati fi stabbilimenti li joffru akkomodazzjoni lit-turisti, għandu jkun hemm qafas biex ikun assigurat spazju minimu deċenti fil-propjetajiet privati li huma għall-kiri.  In-nuqqas ta’ kontroll qed iwassal biex f’ċertu nħawi tal-Gżejjer Maltin qed ikun hemm tensjoni soċjali minħabba d-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom il-ġirien. Min naħa l-oħra, anki l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti laqtet ħażin is-suq tal-propjetà għax il-prezz beda jiġi influwenzat mill-kundizzjonijiet ta’ dan il-programm fosthom li min japplika irid jonfoq €1,333 kera fix-xahar. Ironikament, issa l-Gvern qed juża l-flus minn din l-iskema għal bini ta’ housing soċjali.

Għalhekk jekk il-Gvern verament irid iħares b’mod ħolistiku lejn il-problema tal-housing ma jistax jibqa’ jħares lejn politika ekonomika li tħares biss fl-immedjat. L-esperjenza qed turi li l-prezz tas-suċċess ekonomiku tal-aħħar snin qed ikun wieħed qares – żieda qawwija fit-traffiku u l-emissjonijiet, strapazz fuq is-servizz tas-saħħa u fuq l-ambjent, kif ukoll piżijiet fuq koppji żgħażagħ li jridu jixtru l-ewwel dar.

Jekk il-Gvern mhux se jibdel id-direzzjoni ekonomika, il-miżuri li qed jieħu se jkunu biss għall-immedjat. Skemi bħal għoti tas-sussidju fuq il-kirjiet, għajnuna fuq self mill-bank, il-bini ta’ postijiet ġodda, u riformi fil-liġi tal-kera jibqgħu dejjem miżuri pożittivi, imma jista’ jkun li bihom il-Gvern ikun biss qed iraqqa l-pannu bil-qargħa aħmar.