Il-Prim Ministru ta’ New Zealand Ardern, il-Viċi President tal-Istati Uniti Harris, il-President Sassoli u l-President von der Leyen taw ġieħ lin-nisa fuq quddiem fil-kriżi tal-COVID-19. Il-ġest sar qabel il-ftuħ tas-sessjoni nhar it-Tnejn, meta l-Parlament immarka Jum il-Mara 2021.

Il-President tal-PE David Sassoli iddikjara: “Il-pandemija tirriskja li teqred għexieren ta’ snin ta’ kisbiet tan-nisa Ewropej għad-dritt għax-xogħol, għall-awtonomija, għar-rispett u għad-dritt li jagħmlu l-għażliet tagħhom stess. Dwar id-differenza fil-paga bejn is-sessi, huwa żied jgħid, “In-nisa fl-Ewropa jaqilgħu medja ta’ 14.1% inqas mill-irġiel. Dan mhux aċċettabbli. Il-proposta tal-Kummissjoni għal miżuri ta’ trasparenza fil-pagi se tkun ċentrali għal xogħolna”. Il-President Sassoli ikkonkluda billi appella biex l-istati membri kollha jirratifikaw il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, u biex l-UE tagħmel il-vjolenza fuq in-nisa reat madwar l-Ewropa kollha.

F’messaġġ irrekordjat, il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern, saħqet li l-COVID-19 aggrava l-inugwaljanzi strutturali bejn in-nisa u l-irġiel. “Billi ninkludu bis-sħiħ – u b’mod sinifikanti – nisa fit-tmexxija fil-livelli kollha nistgħu niżguraw li r-risposti tagħna għall-pandemija jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ kulħadd,” qalet. “Ikoll nafu li s-sena li ġejja se tkun iebsa. Bħala mexxejja, se nkunu ttestjati, imma rridu nirreżistu l-wegħdiet foloz quddiem dawk it-testijiet ta’ protezzjoniżmu u nazzjonaliżmu fl-irkupru tagħna mill-COVID-19. Irridu nagħmlu aktar biex nappoġġjaw in-negozju mmexxi min-nisa biex ikun parti mill-irkupru, sabiex ikunu jistgħu jesperjenzaw aktar il-benefiċċji tal-kummerċ.”

F’messaġġ ieħor irrekordjat din id-darba mill-ewwel Viċi President mara tal-Istati Uniti, Kamala Harris, iffokat fuq l-sfidi li qed jiffaċċjaw in-nisa matul il-kriżi. “Irridu niżguraw is-sigurtà tan-nisa fid-dar u f’kull komunità. Irridu nittrattawhom b’dinjità fuq ix-xogħol u npoġġu l-istrutturi meħtieġa sabiex it-tnejn ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-familji tagħhom u jeċċellaw fil-forza tax-xogħol. Fl-aħħarnett, irridu nagħtu leħen ugwali lin-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet, għax dan huwa essenzjali għal demokraziji ħielsa u ġusti. Dan mhux biss att ta’ rieda tajba; din hija turija ta’ saħħa. Jekk nibnu dinja li taħdem għan-nisa, in-nazzjonijiet tagħna kollha jkunu aktar siguri, aktar b’saħħithom u aktar sinjuri.”

Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet b’diskors mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen. ‘‘ Wisq nisa fl-Ewropa m’għandhomx l-opportunità fundamentali biex jaħdmu u jaqilgħu l-għixien. Illum, ir-rata tal-impjiegi għan-nisa hija 67%, filwaqt li dik tal-irġiel hija 78%. Dan mhux aċċettabbli. Il-ġimgħa li għaddiet, għamilna mira ġdida għall-Ewropa: irridu naqqsu d-distakk fl-impjiegi bejn is-sessi bin-nofs, u sa l-aħħar ta’ dan id-deċennju 78% tal-Ewropej kollha jrid ikollhom xogħol. Mhux se tkun faċli imma se nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nilħqu dan il-għan” qalet. ‘‘Il-Kummissjoni teħtieġ li l-istati membri kollha jpoġġu lin-nisa fiċ-ċentru tal-pjanijiet ta’ rkupru tagħhom wara l-COVID-19. Se jkun irkupru veru biss jekk dawn il-pjanijiet huma għal kulħadd,” temmet tgħid von der Leyen.