Il-Parlament Ewropew talab ċarezza dwar il-kunsinni tal-vaċċini tal-COVID-19 u nsista li l-kumpaniji farmaċewtiċi jonoraw il-kuntratti tagħhom.

Dan l-appell sar f’sessjoni li matulha l-MPE staqsew lill-kapijiet eżekuttivi u r-rappreżentanti tal-kumpaniji farmaċewtiċi ewlenin, inklużi AstraZeneca, Moderna, CureVac, Novavax, Pfizer u Sanofi, dwar kif jitneħħew l-ostakli għal kummerċjalizzazzjoni, manifattura u distribuzzjoni aktar mgħaġġla tal-vaċċini.

Tista l-laqgħa hawn.

Matul id-diskussjoni, il-MPE staqsew dwar it-trasferimenti globali tat-teknoloġija u kif l-industrija se taġġorna l-vaċċini biex tlaħħaq mal-varjanti emerġenti. Huma staqsew ukoll dwar kif l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tista’ tħaffef l-approvazzjoni ta’ vaċċini għas-suq Ewropew. Tqajjem ukoll il-punt jekk projbizzjoni tal-UE fuq l-esportazzjoni tal-vaċċini tgħinx lill-Ewropa meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra li introduċew projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni.

Fir-rimarki tagħhom, ir-rappreżentanti tal-industrija enfasizzaw l-isfida tal-produzzjoni għal prodotti kompletament ġodda u kumplessi, u n-natura internazzjonali tal-katini tal-provvista.

L-iżvilupp u t-tqassim ta’ vaċċini effettivi u sikuri kontra l-COVID-19 huwa l-iktar rispons effettiv għall-pandemija u huwa fil-qalba tal-istrateġija ta’ rkupru tal-UE. Minħabba l-importanza li tiżdied il-produzzjoni u l-aċċess għall-vaċċini, din is-seduta kellha l-għan li tistabbilixxi l-fatti u li ssib soluzzjonijiet biex ittejjeb l-introduzzjoni tal-vaċċini COVID-19 fl-Ewropa.

Objettiv ieħor kien li jkun hemm diskussjoni miftuħa mas-CEOs tal-industrija farmaċewtika, il-Kummissjoni u partijiet interessati oħra dwar kif jingħelbu l-impedimenti għal kummerċjalizzazzjoni aktar mgħaġġla, manifattura, distribuzzjoni u aċċess ekwu għall-vaċċini COVID-19.