B’baġit ta’madwar €95.5 biljun, Horizon Europe  hu l-programm ta’ finanzjament tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-perjodu 2021-2027.

Il-programm issaħħaħ il-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi tal-UE, jiżviluppa u jagħti spinta lill-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-Ewropa, il-kompetittività u l-impjiegi, u jwettaq il-prijoritajiet taċ-ċittadini Ewropej.

Horizon Europe se jippermetti lill-partijiet interessati Maltin ibiddlu l-isfidi attwali ta’ innovazzjoni u riċerka f’opportunitajiet. Se jipprovdi għadd kbir ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament li jaqsmu d-dixxiplini kollha – mir-riċerka bażika fl-oqsma kollha tax-xjenza għall-iżvilupp tat-teknoloġija li toħloq prodotti u servizzi innovattivi u taddattahom għas-suq. Il-programm jgħin il-mobbiltà tar-riċerkaturi sabiex ikunu jistgħu jtejbu l-kontribuzzjoni professjonali tagħhom għall-innovazzjoni Ewropea, u l-investiment f’infrastruttura u tagħmir ta’ riċerka avvanzata.

B’Horizon Europe, Malta tkun tista’ tisfrutta l-finanzjament għall-prijoritajiet vitali bħat-transizzjoni ħadra, l-enerġija sostenibbli, it-trasport awtomatizzat, l-intelliġenza artifiċjali, il-kura tas-saħħa u l-manifattura industrijali.

L-ewwel programmi ta’ ħidma taħt Horizon Europe mistennija jiġu ppubblikati f’April. Għal informazzjoni dwar dan il-programm jew kwalunkwe aspetti oħra relatati mal-UE, tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew info.meusac@gov.mt.