Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella se jkun qed jiltaqa’ mal-Ministru tal-Politika Soċjali Michael Falzon biex jiddiskuti l-futur ta’ 400 impjegat tal-FSWS li dan l-aħħar skoprew li kellhom bolol mhux imħallsa għall-valur totali ta’ €10 miljun.

Meta tkellem ma’ Voice of the Workers Weekly, Vella saħaq li l-union tikkunsidra l-każ magħluq biss meta r-rekords tal-impjegati jkunu aġġornati u ma jibqgħux juru ħlasijiet nieqsa. Barra minn hekk, sostna li trid tingħata spjegazzjoni dwar fejn marru l-€10 miljun li suppost kienu għall-bolol tal-ħaddiema.

“Issa li l-Ministeru ħabbar il-ftuħ ta’ inkjesta nittama li din tkun segwita b’azzjoni, għax sfortunatament kien hemm ħafna każijiet fejn l-investigazzjonijiet donnhom intilfu fix-xejn. Eżempju ta’ dan hi l-investigazzjoni li l-UĦM kienet talbet mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali dwar il-ftehim tal-isptarijiet li ma ttieħdet l-ebda azzjoni dwaru minkejja l-konklużjonijiet inkwetanti tal-istess investigazzjoni. Fil-każ tal-impjegati tal-FSWS mhux se nkunu sodisfatti b’apoloġija jew xi wegħda politika,” Vella sostna.

Il-każ li ġie żvelat minn dan il-portal ftit tal-ġimgħat ilu, seħħ bejn l-2000 u l-2007 fi żmien li Joe Gerada – li llum il-ġurnata huwa Chairman tal-Fondazzjoni kif ukoll konsulent tal-istess Ministeru – kien kap eżekuttiv. Għalkemm meta ħarġet l-istorja l-Ministeru naqas milli jikkummenta meta mistoqsi jekk il-pożizzjoni ta’ Gerada kinitx tenibbli, il-MaltaToday irrapporta li ċ-Chairman tal-FSWS “issospenda lilu nnifsu minn dmirijietu”. Il-ġurnal irrapporta wkoll li l-Ministeru ħatar lill-Imħallef irtirat Antonio Mizzi biex imexxi inkjesta. Madankollu, l-identità tal-membri l-oħra tal-bord tal-inkjesta ma ġietx żvelata. Rigward l-azzjoni li għandha tittieħed, il-Ministeru qal li deċiżjoni dwar jekk il-każ ikunx riferut lill-pulizija tittieħed skont dak li jinstab mill-inkjesta.

Il-każ sar magħruf meta impjegati tal-FSWS li kienu se jilħqu l-età tal-irtirar staqsew dwar il-pensjoni tagħhom, iżda ngħataw l-aħbar xokkanti li ma jikkwalifikawx għall-ammont li suppost kellhom dritt għalih. Barra minn hekk, jistgħu jitilfu wkoll xi ħlas tal-tal-benefiċċju tal-mard.

Qabel ma kienet ippubblikat l-istorja, Voice of the Workers Weekly kienet talbet il-kummenti tas-Sur Gerada iżda ma kienet waslet l-ebda risposta. Hu kien kiser is-silenzju ftit tal-jiem wara f’email lill-membri tal-bord tal-FSWS li fiha sostna li kien ukoll ‘vittma’. Madankollu, it-tweġiba tiegħu qanqlet aktar kontroversja hekk kif irriżulta li filwaqt li rranġa s-sitwazzjoni personali tiegħu malli laħaq l-età tal-irtirar, naqas milli jiġbed l-attenzjoni lit-tmexxija. Għalhekk il-kwistjoni baqgħet mistura. Għalkemm s’issa ma offra l-ebda spjegazzjoni, Gerada stqarr mal-membri tal-bord li jemmen li l-bolol instabu nieqsa minħabba xi żball li kien sar meta kienu qed jinħadmu l-pagi.

Sadanittant, minkejja l-assigurazzjonijiet mogħtija mill-Ministeru tal-Politika Soċjali u l-FSWS li ħadd mill-impjegati milquta ma kien se jsofri tnaqqis fil-pensjoni, sa meta nkiteb dab l-artiklu il-ħaddiema milquta għadhom jidhru bil-bolol mhux imħallsa. Kien għalhekk li l-UĦM Voice of the Workers, li qed tirrappreżenta lil dawn l-impjegati, se tkun qed tiltaqa’ mal-Ministru tal-Politika Soċjali Michael Falzon fil-jiem li ġejjin.