Il-qawwa tar-responsabbilta’
Li tkun kontabbli ta’ għemilek hu sinjal kruċjali ta’ maturita’ morali. Mhux ta’ b’xejn li r-responsabbita’ hi wieħed mill-pilastri prinċipali ta’ karattru sod fil-bniedem.
Ħafna persuni, partikularment uħud mill-politiċi jew oħrajn f’karigi eżekuttivi qed jevitaw il-piżijiet abbinati biex wieħed ikun kontabbli. Nammettu lkoll li r-responsabbilta’ tirrikjedi li aħna nagħmlu affarijiet li ma jkunux pjaċevoli jew saħansitra li jbeżżgħu. Ir-responsabbilta’ titlobna biex inġorru l-piż tagħna, inħejju u nistabbilixxu l-miri kif ukoll neżerċitaw id-dixxiplina biex nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħna.
Ħadd ma jagħmel il-ħajja tiegħu aħjar billi jevita r-responsabbiltà. Fil-fatt, l-irresponsabbilta’ hi forma ta’ servitu’ imposta mill-individwu – għaċ-ċirkostanzi u għal ħaddieħor.
Ir-responsabbilta’ hi dwar l-abbilta’ tagħna li nirrispondu għaċ-ċirkostanzi u biex nagħżlu l-attitudnijiet, l-azzjonijiet u r-reazzjonijiet li jiffurmaw il-ħajja tagħna. Hi kunċett ta’ qawwa li tqiegħdna fil-kontroll. L-akbar stampa tal-potenzjal ta’ ħajjitna tista’ biss tiġi apprezzata meta nkunu kontabbli ta’ għemilna u niddependu minna nfusna.
Nies responsabbli mhux biss jiddependu fuqhom infushom, imma juru lill-oħrajn li jistgħu jkunu fdati. Dan kollu joħloq il-fiduċja, u l-fiduċja hi ċ-ċavetta li tiftaħ ħafna bibien.
Iżda x’ngħidu dwar ir-responsabbilta’ politika? Dan il-portal jissokta jesiġi mal-awtoritajiet lokali li jekk iridu kontroll fuq it-tmexxija tagħhom, fuq il-prerogattivi, il-qawwa tal-liberta’ u l-indipendenza, għandhom jesegwixxu ħaġa waħda biss: ikunu responsabbli ta’ għemilhom.
Ir-responssabbilta’ politika u l-governanza demokratika jmorru id f’id, u t-tnejn huma essenzjali sabiex ikun hemm il-paċi, l-iżvilupp u ż-żamma tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż.