L-eks Ministru Konrad Mizzi li kien l-istar candidate tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tal-2013, illum spiċċa skreditat. Il-poster boy Laburista kien sab ruħu fit-tmun ta’ ministeru kemxejn stramb – is-saħħa u l-enerġija – żewġ portafoli vasti ħafna u kompletament differenti. Illum nistgħu ngħidu, li l-legat tiegħu fl-ogħla livelli tal-politika Maltija jista’ jinġabar fil-qosor f’żewġ kelmiet – Vitals u Electrogas. Minn meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers fl-2016, Mizzi qabad rankatura ’l isfel. Wara li tneħħa minn deputat mexxej, tilef post mill-Kabinett u fl-aħħar mill-aħħar tkeċċa mill-partit tiegħu stess, għalkemm l-evidenza tissuġġerixxi li għad għandu ċertu livell ta’ appoġġ fil-Partit Laburista.

Mizzi għal darb’oħra jinsab f’nofs kontroversja politika fid-dawl tad-dewmien biex jixhed quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi li qed jistħarreġ il-ftehim kontroversjali tal-power station tal-Electrogas li tagħha hu kien politikament responsabbli. Probabbilment, jekk Mizzi jitla’ jixhed se jħalli ħafna diżappuntati għax jew jipprova jaħrab milli jwieġeb mistoqsijiet kruċjali jew jagħżel li ma jweġibhomx. Sitwazzjoni bħal din tixhed l-istat tal-ogħla istituzzjoni demokratika tagħna, li għal darb’oħra jidher li m’għandux saħħa li jagħmel skrutinju tal-mod kif qed jintefqu flus il-poplu, għalkemm l-imġieba tal-Membri Parlamentari tal-Gvern li donnhom qed jibżgħu li jieħdu passi żgur li ma għenitx. Madankollu, ir-riperkussjonijiet tal-legat ta’ Mizzi jmorru lil hinn sew minn din il-kontroversja.

Fis-settur tas-saħħa il-poplu Malti qed joħroġ għexieren ta’ miljuni kull sena fuq il-ftehim kontroversjali ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet iffirmat ma’ Vitals li sussegwentement għaddew f’idejn Steward Health Care. Sal-aħħar tas-sena d-dieħla dan il-ftehim se jkun sewa madwar €400 miljun. Minkejja li kemm Mizzi kif ukoll l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ħarġu mix-xena politika, jew hekk hi l-impressjoni li ngħatat, Malta twikkiet b’dan il-ftehim. Il-fatt li l-gvern lanqas biss qed jikkunsidra li jħallas multa ta’ €100 miljun biex jagħlaq dan il-kapitolu darba għal dejjem u jirrevoka l-ftehim jindika li hemm affarijiet oħra.

Konrad Mizzi kien l-ewwel u qabel kollox dak li kellu f’idejh il-wegħda ewlenija tal-Labour – il-bini ta’ impjant tal-enerġija ġdid li jaħdem bil-gass – li kien maħsub biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għad-djar u n-negozji. Madankollu, hemm biżżejjed evidenza li turi li l-poplu llum qed iħallas prezz għoli minħabba dan il-proġett li kien deskritt bħala xempju ta’ korruzzjoni. L-ewwel nett, hemm evidenza li l-kumpanija sigrieta ta’ Mizzi fil-Panama kienet se tirċievi tixħim talli l-kuntratt ingħata lil Electrogas. It-tieni, ħareġ li l-Enemalta kienet qed tħallas bil-għoli biex takkwista l-gass tant li fl-2017 biss il-prezz mitlub mis-Socar kien madwar €40 miljun ogħla minn dak li kieku inxtara direttament mingħand ix-Shell. It-tielet, l-intervent ta’ Konrad Mizzi wassal biex il-poplu kellu jġorr il-piż addizzjonali li jammonta għal kont ta’ aktar minn €40 miljun f’sisa fuq il-fuel mixtri mill-Enemalta, wara li ġie deċiż li l-gvern ‘jassorbi’ din l-ispiża enormi.

Dawn l-eżempji waħedhom, ifissru li l-ħajja qasira ta’ Konrad Mizzi fil-politika Maltija fissret spiża kbira għall-poplu – aktar minn €400 miljun fil-ftehim tal-isptarijiet biss, €40 miljun sisa fuq il-fuel, u €40 miljun fuq l-akkwist tal-gass. Għalhekk stima konservattiva ta’ dan kollu tkun ta’ madwar €500 miljun li hija madwar €1,000 għal kull ċittadin Malti. Probabbilment, Mizzi se jaħrab mill-iskrutinju parlamentari reali. Madankollu, huwa inkonċepibbli kif s’issa jidher li evada l-ġustizzja u għadu jisfida lil dawk li xebgħu jiftaħru li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu. Sadanittant, il-kont li twikka bih il-poplu qed ikompli jiżdied.