Aktar minn tliet kwarti tan-negozji fis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut żiedu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena. Dan kien konfermat f’rapport tal-Bank Ċentrali li attribwixxa din iż-żieda għal spejjeż għola fil-materja prima, it-trasport u l-ġarr tal-merkanzija u skarsezza ta’ ċertu prodotti madwar id-dinja.

Għalkemm il-kundizzjonijiet ġenerali tan-negozju komplew jitjiebu hekk kif l-ekonomija bdiet tirpilja mix-xokkijiet ikkawżati mill-Covid-19, iż-żieda sinifikanti fl-ispejjeż hi ta’ tħassib. Dan qed inaqqas is-saħħa tal-flus tal-familji li ma jistgħux ilaħħqu maż-żieda fl-għoli tal-ħajja. Il-UĦM Voice of the Workers qed twissi li sakemm il-mekkaniżmu tal-għoli tal-ħajja ma jiġix rivedut is-sitwazzjoni se tkompli tiggrava.

Ir-rapport li sar billi ġew mitkellma 66 negozju, juri li ż-żieda fil-prezzijiet kienet l-aktar evidenti fis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut fejn 78% irrappurtaw li kienu żiedu l-prezz tal-bejgħ tal-prodotti tagħhom. Din il-kategorija tinkludi oġġetti essenzjali bħal ikel, xorb, ħwejjeġ u white goods. Wara ġie s-settur tal-kostruzzjoni u l-bejgħ tal-proprjetà, b’60% jgħidu li żiedu l-prezzijiet tal-bejgħ filwaqt li l-industrija tal-manifattura klassifikat fit-tielet post b’44%. F’dan ir-rigward iż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima bħall-azzar, l-injam, il-plastik u l-karta kienet kawża ewlenija.

L-inqas milquta kienu negozji fl-industrija tas-servizzi fejn 21% biss żiedu l-prezzijiet. Dan ifisser li b’mod ġenerali, 39% ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ qalu li żiedu l-prezzijiet. Sinifikanti wkoll li n-negozji kollha fis-settur tal-kostruzzjoni, 75% fl-industrija tal-manifattura u żewġ terzi tad-ditti fis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut irrappurtaw li l-ispejjeż żdiedulhom. Min-naħa l-oħra 14% biss irrappurtaw tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti tagħhom.

Minbarra spejjeż ogħla biex tinxtara materja prima, il-prezzijiet telgħu minħabba dewmien biex jaslu l-kunsinni, skarsezza fil-pajjiżi produtturi u dewmien fil-ġarr tal-merkanzija. Dan irriżulta fi spejjeż ogħla tat-trasport li komplew jiggravaw minħabba kompetizzjoni baxxa fis-suq globali tal-merkanzija, restrizzjonijiet tal-portijiet minħabba l-Covid-19 u t-tnaqqis tar-rotot tal-baħar u tal-ajru lejn Malta. Ir-rapport tal-Bank Ċentrali semma wkoll skarsezza qawwija fl-industrija tal-microchips u żieda fil-burokrazija minħabba Brexit. Dawn il-kundizzjonijiet qed jagħtu lok għal ċirku vizzjuż, peress li l-kumpaniji qed jaħżnu iżjed u b’hekk l-iskarsezza tal-prodotti tkompli tikber.

Fuq nota pożittiva, 49% irrappurtaw żieda fl-attività meta kumparat mat-tieni kwart tas-sena. L-aspettattiva dwar l-attività tan-negozju fl-immedjat tjiebet ukoll. Kważi nofs qalu li jistennew li l-attività tan-negozju tespandi fit-tliet xhur li ġejjin, filwaqt li 11% antiċipaw tnaqqis. Bħala riżultat, is-sehem nett ta’ dawk li wieġbu li qed jistennew titjib fl-attività tan-negozju żdied għal 37%, minn 33% fir-rapport ta’ qabel.

Fit-tielet kwart, 73% ta’ dawk li wieġbu irrappurtaw li l-pjanijiet ta’ investiment komplew kif skedat, li hi ċifra kemxejn ogħla minn 69% fit-tieni kwart.

Fid-dawl taż-żieda fl-attività, 37% nett tan-negozji qalu li kien beħsiebhom jimpjegaw aktar ħaddiema imma kien hemm żieda fin-numru ta’ dawk li esprimew tħassib dwar nuqqas ħaddiema disponibbli fis-suq tax-xogħol.