Meta elezzjoni tkun qrib kull min ikun fil-poter għandu l-fakultà li juża din il-pożizzjoni biex jieħu vantaġġ minnha f’tentattiv biex jibqa’ fil-poter. Bl-Ingliż din tissejjaħ power of incumbency. Filwaqt li dan jista’ iseħħ f’kull livell minn klabbs, NGOs sa federazzjonijiet, l-iktar prevalenti probabbilment ikun fuq livell politiku. F’Malta, tinduna mill-ewwel li tkun ġejja elezzjoni. Il-kandidati, Membri Parlamentari u l-Ministri, x’aktarx issibhom ma’ wiċċek għall-għarrieda biex jiltaqgħu ftit miegħek. Sadanittant, opportunitajiet ta’ mpjieg jew promozzjoni ma’ entitajiet Statali li donnhom inżammu magħluqa għal żminijiet twal jibdew jinfetħu filwaqt li proġetti kapitali jibdew jimmaterjalizzaw wara snin ta’ stennija.

Fil-preżent diġà hemm sinjali li qbadna din ir-rotta. Biżżejjed tħares lejn ċertu proġetti li qed jitħabbru għax minnhom tinduna fuq liema distrett elettorali se jkun qed jikkontesta ministru partikolari. X’aktarx dan huwa ż-żmien meta dawk fit-tmexxija donnhom jinsew il-bqija tal-pajjiż u jiffokaw l-inizjattivi tajbin kollha fejn hemm il-kostitwenti tagħhom. Dawn il-proġetti jvarjaw minn xogħlijiet fit-toroq, proġetti ta tisbiħ, akkomodazzjoni u anke attivitajiet kulturali. F’ċertu sens, anke kandidati fi ħdan l-istess partit fil-gvern ibatu minħabba li ma jkunux jistgħu ilaħħqu mal-ministri li jkollhom iktar riżorsi disponibbli. Jekk nagħtu ħarsa lura kien hemm bosta eżempji ta’ kif il-partit fil-gvern ifittex li jieħu vantaġġ bit-tama li jakkwista l-voti fl-elezzjoni. It-8,000 impjieg imqassma fil-ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali tal-1987 jew il-promozzjonijiet fil-forzi armati qabel l-elezzjonijiet ġenerali tal-2017 huma biss żewġ eżempji. Ir-riperkussjonijiet mhumiex biss elettorali, iżda wkoll finanzjarji.  Fl-aħħar mill-aħħar dawk li jħallsu t-taxxa ikollhom iġorru l-piż biex jiffinanzjaw tali nefqa għal għexieren ta’ snin.

Huwa ċar li s-sitwazzjoni preżenti timmerita attenzjoni.  Kif kien mistenni, il-kwistjoni tissemma’ minn żmien għal żmien mill-partit fl-Oppożizzjoni – Alfred Sant wara l-elezzjoni ġenerali tal-2008 li fiha l-PN ġie elett mill-ġdid b’maġġoranza żgħira u dan l-aħħar meta l-PN fl-Oppożizzjoni għamel pressjoni biex ikun hemm qbil fuq sett ta’ regolamenti għall-ingaġġ fis-settur pubbliku fi żmien l-elezzjoni, bħala parti mill-Konvenzjoni Kostituzzjonali. In-naħa l-oħra tal-munita hija li l-ebda partit fil-poter mhu ħerqan li jċedi minn poteri bħal dawn.

Kieku kien hemm dispożizzjoni kostituzzjonali li tirregola r-reklutaġġ fis-settur pubbliku fis-sitt xhur ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali, l-affarijiet setgħu kienu differenti. Imma kif jista’ jiġi attivat mekkaniżmu bħal dan jekk id-data tal-elezzjoni tibqa’ l-prerogattiva unika u esklussiva tal-prim ministru? Soluzzjoni possibbli tista’ tkun li jkollok id-data tal-elezzjoni fissa bħal ma jiġri fil-kunsilli lokali jew fuq skala akbar l-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti. Il-kunċett hu magħruf bħala fixed-term election. L-unika eċċezzjoni tkun jekk il-gvern jitlef vot ta’ fiduċja. Dan ifisser li l-prim ministru ma jibqax ikollu l-privileġġ li jagħżel ‘l-aħjar mument’ biex jiffaċċja l-elettorat għax din il-prerogattiva taqa’ fuq il-Membri Parlamentari. B’hekk ikun possibbli li tiġi infurzata ċerta dispożizzjoni mmirata biex tillimita l-abbuż fil-poter. Barra minn hekk, dan ifisser ukoll inqas inċertezza fl-aħħar sena tal-leġiżlatura għax ma jkunx hemm sorpriżi bid-data tal-elezzjoni.

Min hu kontra jsostni li l-introduzzjoni ta’ dan il-kunċett fir-Renju Unit għaxar snin ilu ma rnexxiex. Dan kien dovut l-aktar għall-fatt li matul is-saga tal-Brexit kien hemm kriżi politika hekk kif il-partiti fl-Oppożizzjoni rrifjutaw li jappoġġjaw elezzjoni bikrija minkejja li l-gvern Konservattiv tilef il-maġġoranza parlamentari tiegħu. Minkejja dan, ikun żball li lanqas niddiskutu dwar il-possibbiltà li jkollok elezzjonijiet għal terminu fiss. Jekk verament naspiraw li jkollna pajjiż ibbażat fuq il-meritokrazija aktar milli klijenteliżmu rampanti, dan għandu jkun l-ewwel pass.