Riċerka li saret madwar 12-il kumpanija kbira Ewropea fejn l-impjegati jgawdu dak li jissejjaħ right to disconnect weriet li l-mudell preferut huwa dak li hu magħruf bħala soft approach għax jippermetti aktar flessibilità kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem. Min-naħa l-oħra, il-hard approach li huwa bbażat fuq il-kunċett li titwaqqaf kompletament il-komunikazzjoni relatata max-xogħol, anke billi jintefa’ s-server tal-kompjuter barra mill-ħinijiet tax-xogħol, ma tantx hi popolari.

Din is-sejba ħarġet minn rapport tal-Eurofound li ħares lejn prattiċi eżistenti dwar kif dan id-dritt qed jiġi implimentat madwar l-Ewropa. L-idea hija bbażata fuq il-kunċett li l-ħaddiema ma jkollhomx iwieġbu telefonati jew emails wara l-ħin tax-xogħol.

Fil-preżent sitt Stati Membri tal-UE biss għandhom leġislazzjoni fis-seħħ biex jiggarantixxu dan id-dritt – il-Belġju, Franza, l-Italja, Spanja, is-Slovakkja u l-Greċja. Fil-każ ta’ Malta, il-Gvern indika l-intenzjoni tiegħu li jintroduċi dan id-dritt iżda t-taħditiet bejn l-imsieħba soċjali għadhom ma bdewx. F’Jannar li għadda l-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjoni dwar il-kwistjoni li talbet lill-Kummissjoni biex tadotta direttiva Ewropea.

Ir-riċerka tal-Eurofound twettqet billi analizzat 12-il entità – Banco Santander fi Spanja, BMW fil-Ġermanja, Enel (l-Italja), Evonik (il-Ġermanja), Groupe JLO (Franza), Solvay (il-Belġju), Telefonica (Spanja), Total (Franza) ), UniCredit (l-Italja), Volkswagen (il-Ġermanja), is-settur bankarju fi Spanja, u s-settur tal-assigurazzjoni fil-Ġermanja. Dawn il-kumpaniji u s-setturi ekonomiċi kollha jimpjegaw aktar minn miljun ħaddiem.

Fi 11 minn dawn it-12-il entità id-dritt li tiskonnettja ġie implimentat permezz ta’ soft approach. L-unika eċċezzjoni kienet il-Volkswagen fejn il-konnessjoni bejn is-server u l-ismartphones tal-impjegati tkun diżattivata wara x-xogħol. L-impjegati jistgħu jagħmlu telefonati biss imma ma jirċevux emails, messaġġi jew sejħiet bil-video. Eċċezzjonijiet fuq proġetti speċifiċi jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ talba bil-miktub.

Id-differenzi bejn iż-żewġ mudelli

Id-differenza ewlenija bejn iż-żewġ mudelli hi li bil-hard approach id-deċiżjoni dwar jekk għandux jiiwieġeb messaġġ jew le ma tibqax f’idejn l-impjegat. B’hekk ikun indirizzat it-tħassib li l-ħaddiem xorta waħda jħoss pressjoni li jirrispondi biex jingħoġob mal-management, minkejja li ma jkunx obbligat jagħmel dan.

L-azzjonijiet meħuda biex jitħaddem dan id-dritt, l-allokazzjoni ta’ responsabbiltajiet individwali u l-attitudni tal-management jista’ jkollhom rwoli importanti fl-implimentazzjoni.

Il-kumpanija Belġjana Solvay adottat il-motto li ġej li jiġbor fil-qosor il-kunċett ewlieni wara s-soft approach “Tistenniex li n-nies jirrispondu fil-ħin liberu tagħhom, fil-btajjel pubbliċi jew waqt li jkunu bil-vacation leave. Fil-każ ta’ kriżi jew emerġenza, uża t-telefon”.

Meta dan il-mudell ikun fis-seħħ, għandu jkun hemm miżuri biex titqajjem kuxjenza dwar ir-riskji li tibqa’ f’kuntatt kontinwu max-xogħol, taħriġ u l-immaniġġjar ta’ komunikazzjoni barra mill-ħinijiet fosthom b’messaġġi li jfakkru lill-ħaddiema li ma hemmx obbligu li jirrispondi barra mill-ħinijiet tax-xogħol.

Dan l-istudju juri wkoll l-importanza li l-manigers ikunu ta’ eżempju ta’ kif jitħaddem dan id-dritt. Hu rakkomandat ukoll li jkun hemm indikaturi li jkejlu l-implimentazzjoni tad-dritt ta’ skonnettjar bħala parti mill-kejl tal-prestazzjoni tal-managers.

Il-hard approach jista’ jkollu xi żvantaġġi fosthom li jillimita l-flessibbiltà, billi min iħaddem ma jistax jagħmel kuntatt mal-ħaddiema wara x-xogħol waqt li l-ħaddiema infushom ma jistax jibdlu l-ħinijiet tax-xogħol skont l-esiġenzi tagħhom bħal ngħidu aħna jaħdmu fil-għaxija flok fil-ħin normali.  

Ir-riċerka wriet ukoll li f’pajjiżi li introduċew dan id-dritt in-numru ta’ ftehim kollettiv li jipprovdu għal dan żdiedu bil-bosta.