Il-MPE qed jitolbu li platform workers bħal dawk li jwasslu l-ikel mir-ristoranti fid-djar ikollhom l-istess drittijiet bħall-impjegati tradizzjonali.

Platform workers ta’ spiss ikunu klassifikati ħażin bħala self-employed b’riżultat li jiċċaħdu mill-aċċess għall-protezzjoni soċjali u drittijiet oħra tax-xogħol. Biex jindirizza dan in-nuqqas, il-Parlament jipproponi li f’każ ta’ proċeduri legali, min iħaddem għandu jipprova li m’hemm l-ebda relazzjoni ta’ impjieg, u mhux bil-kontra. Il-MPE madankollu jopponu l-klassifikazzjoni awtomatika tal-platform workers kollha għax min ġenwinament jaħdem għal rasu għandu jitħalla f’dik il-pożizzjoni.

Ir-riżoluzzjoni adottata reċentement titlob qafas Ewropew biex jiggarantixxi dawn il-ħaddiema jkollhom l-istess livell ta’ protezzjoni soċjali bħal kategoriji oħra. Dan jinkludi kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, ir-responsabbiltà għas-saħħa u s-sigurtà u d-dritt li tidħol fin-negozjar kollettiv biex tinnegozja termini u kundizzjonijiet ġusti.

Ambjent tax-xogħol bla periklu u b’saħħtu

Filwaqt li jirrikonoxxu l-opportunitajiet għall-ħolqien tal-impjiegi u għażla akbar li dan is-settur iġib miegħu, il-MPE huma mħassba dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena li spiss jiffaċċjaw dawn il-ħaddiema. Minħabba l-fatt li dawn ħafna drabi huma soġġetti għal riskji akbar għas-saħħa u s-sigurtà, bħal inċidenti tat-traffiku jew korrimenti kkawżati minn makkinarju, għandhom ikunu mgħammra b’tagħmir protettiv personali adegwat. Dawk attivi f’servizzi ta’ trasport u kunsinna jeħtieġ li jkollhom polza ta’ assigurazzjoni garantita.

Sistemi trasparenti

Huma jinsistu wkoll li platform workers għandhom ikunu intitolati għal sistemi trasparenti, li ma jiddiskriminawx u etiċi. Funzjonijiet kompjuterizzati bħall-assenjazzjoni ta’ xogħol, klassifikazzjonijiet, prezzijiet u proċeduri ta’ diżattivazzjoni għandhom dejjem jiġu spjegati b’mod li jinftiehem u komunikati b’mod ċar. Il-ħaddiema għandu jkollhom il-possibbiltà li jappellaw deċiżjonijiet meħuda minn dawn is-sistemi kompjuterizzati u għandu dejjem ikun hemm sorveljanza umana tal-proċess. Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata b’524 vot favur, 39 kontra u 124 astensjonijiet.

Fil-pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li sa tmiem din is-sena, se tippreżenta inizjattiva leġiżlattiva biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-platform workers.