Il-postijiet tax-xogħol huma wkoll postijiet fejn ngħixu
Il-maġġoranza tal-popolazzjoni adulta tqatta’ l-akbar ammont ta’ ħin ix-xogħol, kemm jekk sigħat matul il-ġurnata, jiem fil-ġimgħa jew snin ta’ ħidma attiva. Aktar mis-sigħat attwali ta’ ħidma, ix-xogħol huwa kruċjali fir-relazzjonijiet tagħna mad-dinja ta’ madwarna – man-nies u l-affarijiet li naħdmu bihom. Ix-xogħol iġiegħlna nużaw l-intelliġenza tagħna, ġisimna u l-emozzjonijiet tagħna. Ix-xogħol hu wkoll ambjent importanti biex nissoċjalizzaw. Hu x’inhu x-xogħol, dejjem jinvolvi xi forma ta’ kooperazzjoni, bix-xogħol ta’ kwalunkwe individwu jkun parti mill-istampa wiesgħa. Hi din l-istampa sħiħa li tagħti sens lix-xogħol.
Sa mit-twaqqif ta’ postijiet speċjalizzati tax-xogħol, bħall-fabbriki, il-postijiet tax-xogħol fil-maġġoranza tal-każi ġew disinjati bħala spazji magħluqin, ġeneralment suġġetti għar-regoli tal-kumpanija u a skapitu ta’ min iħaddem. L-isfidi biex il-postijiet tax-xogħol ikunu ‘l bogħod mill-periklu żvelaw il-mod inaċċettabbli tax-xogħol ta’ dak iż-żmien. L-importanza tas-saħħa fil-post tax-xogħol fis-seklu 19 rat forma ta’ liġi li mhix applikata l-istess kullimkien. Liġijiet dwar l-iġjene pubblika servew bħala bażi għar-regolamentazzjoni ta’ diversi oqsma tas-saħħa pubblika, filwaqt li regolamenti addottati dwar is-saħħa fil-post tax-xogħol xi ftit jew wisq kienu laxki, b’riżultat li kien hemm livell baxx ta’ protezzjoni. Jekk tħares lejha minn perspettiva liberali, is-saħħa tal-ħaddiema kienet f’idejn min iħaddem.
Anki llum, il-maġġoranza ta’ dawk responsabbli minn policies dwar is-saħħa fil-post tax-xogħol fid-diversi pajjiżi, jippreferu li jiddependu minn inizjattivi volontarji, jew kumpanija li tirregolarizza lilha nnifisha, sabiex saħħet il-ħaddiema tkun imħarsa.
Illum, ir-regolamenti ma jgħoddux l-istess, b’sett wieħed ta’ standards li jħares lill-ħaddiema fi spazji pubbliċi, u sett ieħor imma ta’ livell baxx, li jħares lill-ħaddiema fil-post tax-xogħol. Dawn il-prinċipji differenti qed iwasslu għal inugwaljanzi ewlenin fis-saħħa, hekk kif ir-riskji fil-post tax-xogħol ivarjaw ħafna skont l-istat tal-ħaddiema fil-ġerarkija soċjali.
Aspett importanti tad-dibattiti tal-lum fl-Ewropa dwar il-formulazzjoni mill-ġdid tad-direttiva fuq il-prevenzjoni tal-kanċer mill-postijiet tax-xogħol, idur madwar din il-kwistjoni tal-livelli doppji. L-ewwel proposti mressqa mill-Kummissjoni Ewropea kienu ristretti għal ħarsien minimu kontra numru limitat ta’ riskji. Li spikka f’dawn id-dibattiti kienet il-faċilita’ li biha livelli għoljin ta’ riskju kienu dikjarati aċċettabbli meta l-persuni milquta kienu fuq il-lant tax-xogħol.
Dan kollu jagħtina x’nifhmu li d-dinja tax-xogħol qisha mmexxija minn regolamenti differenti, li ma jirrispettawx b’mod xieraq lill-ħajja umana. Dan l-aspett mhux limitat għar-riskju tal-ħsara fiżika lill-ħaddiema. Jikkonċerna wkoll kemm il-ħaddiema jobdu r-regolamenti.
Il-ġlieda għas-saħħa fil-post tax-xogħol iġġiegħel lil dak li jkun jistaqsi dwar il-qasma li teżisti bejn il-ħajja waqt il-ħin tax-xogħol u l-ħajja b’mod ġenerali. Il-mira għandha tkun li nwaqqgħu l-ħajt li jifred ix-xogħol mill-attivitajiet umani oħrajn, biex ix-xogħol ikun ristrutturat ħalli d-distinzjoni bejn dawk li jaħdmu u min iħaddem tkun eliminata u biex ikunu eliminati d-diskrepanzi bejn il-ħarsien tal-ħajja b’mod ġenerali u l-ħajja fil-post tax-xogħol.