Photo: EP

Delegazzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, immexxija mill-president Monika Hohlmeier, temmet iż-żjara f’Varsavja biex teżamina kif qed jintefqu l-fondi tal-UE.

“Irridu naraw il-fondi ta’ rkupru tal-UE jaslu għand in-nies u l-organizzazzjonijiet fil-Polonja, minħabba dak kollu li qed jagħmlu biex jgħinu lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra u l-ħsara li saret mill-pandemija. Madankollu, aħna bħala MPE jeħtieġ li niżguraw li l-flus tal-UE jkunu protetti u mqassma b’mod ġust, u dak li rajna fiż-żjara tagħna hawn iqajjem tħassib. Jidher li hemm problemi sistemiċi kkawżati mill-gvern li qed iċaħħdu lill-Polonja milli tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha biex tirċievi l-flus tal-UE. B’mod partikolari, hemm kwistjonijiet relatati mar-rispetti tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja,” qalet Monika Hohlmeier (PPE, DE), kap tad-delegazzjoni, fi tmiem iż-żjara.

“Għamilna sforz biex inħarsu mill-angoli kollha lejn id-distribuzzjoni u l-ġestjoni tal-fondi tal-UE fil-Polonja, biex niċċekkjaw jekk hemmx sistemi fis-seħħ biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE. Iffukajna fuq il-finanzjament attwali tal-UE taħt ġestjoni kondiviża u sibna li s-sistemi biex jipproteġu u jikkontrollaw il-fondi tal-UE huma fis-seħħ. Madankollu, nitolbu lill-gvern biex jagħmel tajjeb għall-ħsara li saret lill-SMEs li sfaw vittmi tal-użu ħażin ta’ fondi minn dawk magħrufa bħala letterbox comanies b’kooperazzjoni ma’ kumpaniji kbar.

“Rigward il-flus tal-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza (RRF), ġejna infurmati li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall-fondi RRF għadhom ma ġewx deċiżi u lanqas ippreparati.”

“Wara li tkellimna ma’ politiċi tal-gvern u tal-oppożizzjoni, prosekuturi u mħallfin, rappreżentanti tal-NGOs, ġurnalisti, awtoritajiet ta’ ħlas u ta’ sorveljanza, kif ukoll mal-awtorità tal-awditjar Pollakka, issa rridu nanalizzaw l-ilmenti u t-tħassib dwar każijiet partikolari fil-fond. Hemm sinjali li d-distribuzzjoni tal-fondi pubbliċi, inklużi l-flus tal-UE, hija dejjem aktar politiċizzata u li l-kriterji kkumplikati għar-riċeviment tal-fondi tal-UE jfixklu d-distribuzzjoni ġusta tagħha,” qalet Hohlmeier.

“In-nuqqas ta’ ġudikatura indipendenti, l-indħil politiku fil-ħidma tal-imħallfin u l-prosekuturi, jagħtuna raġuni biex inkunu mħassba dwar problema sistemika li qed tikber bil-verifika indipendenti tal-infiq tal-fondi tal-UE. Nistennew rispett għas-separazzjoni tas-setgħat li hija pilastru fundamentali tal-liġi Ewropea. Nappellaw ukoll lill-gvern Pollakk biex b’urġenza jibda jikkoopera mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO), sabiex l-iskemi ta’ frodi tat-taxxa u ħasil tal-flus fl-UE kollha jkunu jistgħu jiġu mħarrka kif suppost,” żiedet tgħid.

“Rivelazzjoni xokkanti għalina kienet ir-restrizzjonijiet fis-seħħ fuq il-qorti nazzjonali tal-awdituri tal-Polonja. Huwa kruċjali li l-awtoritajiet tal-awditjar ikunu indipendenti, u li jkunu protetti u mogħtija s-setgħa li jagħmlu l-verifiki kollha kif iqisu xieraq. Ninsabu mħassba ħafna dwar il-pressjoni politika li għaddejja fuq il-membri tal-qorti, il-projbizzjoni tan-nominazzjonijiet tal-membri tal-qorti, ir-rifjut tal-aċċess tagħhom għad-dokumenti meħtieġa”.

“Bl-istess mod, ġejna infurmati b’nuqqas ta’ trasparenza mill-istituzzjonijiet statali lejn membri tas-Sejm Pollakk (il-Parlament) u lejn l-istampa. Dan huwa ta’ tħassib, peress li qed niffaċċjaw il-ħruġ ta’ fondi ta’ rkupru f’sistema fejn ikun hemm aktar responsabbiltà nazzjonali meħtieġa u fejn il-Parlament u l-Kummissjoni se jkollhom inqas poter ta’ sorveljanza u kontroll”.

“Se nsegwu l-informazzjoni li rċevejna matul iż-żjara tagħna u ninkluduha fil-proċess ta’ rilaxx tal-2023, kif ukoll ngħadduha lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-OLAF u lill-EPPO,” temmet tgħid il-kap tad-delegazzjoni.

Il-programm tad-delegazzjoni

Il-MPE parteċipanti ltaqgħu ma’ ġurnalisti investigattivi indipendenti, mal-parlament Pollakk (Sejm) u s-segretarju tal-istat, il-prosekuturi u l-imħallfin, is-sindku ta’ Varsavja, sidien ta’ negozji bi kwistjonijiet ġudizzjarji, u l-awtorità Suprema tal-Verifika tal-Polonja. Il-MPE żaru wkoll il-kwartieri ġenerali tal-Frontex biex ikomplu d-diskussjonijiet wara d-deċiżjoni inizjali tal-Parlament li jipposponi l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-Frontex.