L-elezzjoni ġenerali tal-2022 swiet medja ta’ €24.13 kull votant bil-kont totali jaqbeż it-€8.5 miljun. Meta mqabbel mal-elezzjoni ġenerali tal-2017 meta l-ispiża rispettiva għal kull votant eliġibbli kienet ta’ €16.73, din tfisser żieda ta’ 49%.

Din l-ispiża tinkludi €1.93 miljun biex jiġu ffinanzjati t-titjiriet issussidjati tal-Air Malta bi prezz ta’ €90 għal dawk li jgħixu barra minn Malta li kienu eliġibbli biex jivvutaw. Sal-lum m’hemm l-ebda mekkaniżmu fis-seħħ li jippermetti lill-votanti li jgħixu barra mill-pajjiż jitfgħu l-vot hemm stess. B’kollox 1,952 votant għamlu użu minn din l-iskema u l-maġġoranza tagħhom (535) ġew minn Londra, segwiti minn Brussell (23%). L-24% li jifdal ġew minn ajruporti oħra fejn topera l-linja nazzjonali tal-ajru.

Id-dettalji tal-ispejjeż tal-elezzjoni ġenerali tal-2022 ngħataw mill-kummissjoni elettorali f’rapport li kien preżentat fil-parlament. Żewġ differenzi kbar meta mqabbla mal-2017 kienu l-introduzzjoni tal-għadd elettroniku u l-miżuri tal-Covid-19. Filwaqt li l-introduzzjoni tal-għadd elettroniku fissret spiża ġdida ta’ €116,253, l-ispiża tal-miżuri ta’ kontra l-Covid-19 kienet ta’ €331,520.

Analiżi ulterjuri tal-ispejjeż turi li l-akbar żieda saret taħt l-allokazzjoni ‘utilities, materjal u provista għall-operat, tiswijiet’ fejn l-ispejjeż żdiedu minn €74,798 fl-2017 għal €896,256 fl-2022. Madankollu, ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni għar-raġuni wara din iż-żieda qawwija ta’ 11-il darba iktar. Żidiet notevoli oħra fin-nefqa kienu għall-ħlas tal-assistenti kummissjonarji li żdied b’39.% għal €1.547 miljun, għall-ħlas tal-ħaddiema ingaġġati temporanjament li żdied bi 72.1% għal €1.922 miljun, servizzi kuntrattwali u professjonali, ospitalità u tagħmir li aktar minn irdoppjaw għal 1.316 miljun, kif ukoll għat-trasport fejn l-ispejjeż telgħu b’31.2% għal €467,000.

Min-naħa l-oħra, kien hemm tnaqqis notevoli fl-ispiża tas-servizzi tal-uffiċċju li niżlet b’61.9% għal €165,754 u s-servizzi tal-informazzjoni fejn l-ispiża naqset bi 83.1% għal €13,070.

Fl-elezzjoni ġenerali tal-2022 kien hemm 355,025 votant eliġibbli li minnhom ivvutaw 304,050. Din l-elezzjoni spikkat għan-numru relattivament għoli ta’ voti invalidi – 2.9% (żieda minn 1.3% fl-2017) – u l-inqas parteċipazzjoni mill-Indipendenza fil-livell ta’ 85.6%.

Kuntrarjament għar-rapport tal-2017, din id-darba l-kummissjoni ma ħarġet l-ebda rakkomandazzjoni sinifikanti, u qalet li se tkun qed tiltaqa’ mad-delegati tal-partiti biex jiddiskutu x’titjib jista jsir. Ħames snin ilu, l-Kummissjoni Elettorali kienet issuġġeriet l-użu tal-karti tal-identità għall-votazzjoni biex ikun frankat il-proċess tal-istampar tad-dokumenti tal-votazzjoni. Rakkomandazzjoni oħra kienet li jiġi estiż il-mekkaniżmu eżistenti li jiggarantixxi proporzjonalità stretta tan-numru ta’ siġġijiet għall-voti tal-ewwel għadd miksuba, fl-eventwalità li jkun hemm it-tielet partit fil-Parlament.