Il-kummenti li għamel dan l-aħħar fil-Malta Business Weekly il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija Joe Muscat kontra l-proġett tal-mina kienu kemxejn sorprendenti. Madankollu, ir-rieda politika wara dan il-proġett qed tibda tmajna fost dubji dwar l-impatt ambjentali li l-mina jista’ jkollha.

Skont l-Assoċjazzjoni, li tirrappreżenta l-akbar settur ekonomiku f’Għawdex, proġett bħal dan fih iktar żvantaġġi milli vantaġġi. Fi kliem ieħor, Muscat hu tal-fehma li ż-żieda fil-konnettività ta’ Għawdex bis-servizz tal-fast ferry, ir-raba’ vapur tal-Gozo Channel u l-possibbiltà ta’ konnessjoni bl-ajru, ma tiġġustifikax li jkun hemm mina. Barra minn hekk, hu esprima tħassib li bil-mina, Għawdex jista’  jitlef il-karatteristiċi uniċi tiegħu. Il-pożizzjoni tal-Assoċjazzjoni  tikkuntrasta ma’ dik tal-Kamra tal-Kummerċ t’Għawdex, il-Front Favur il-Mina, u l-assoċjazzjonijiet tal-istudenti li huma favur.

L-idea tal-proġett kienet bdiet fl-aħħar snin tal-amministrazzjoni Nazzjonalista fl-2011. Il-proposta kienet kisbet l-appoġġ tal-Partit Laburista li sussegwentement ġie elett fil-gvern u ħareġ sejħa għal proposti. Madankollu, hekk kif ġew żvelati l-ewwel pjanijiet, li kienu jinkludu mina li tibda mil-Limbordin, fi Pwales fil-konfini ta’ San Pawl il-Baħar sa l-inħawi f’Ta’ Kenuna fin-Nadur, qamu mistoqsijiet dwar l-impatt ambjentali. Il-proġett se jwassal għal ġerħa ambjentali  permanenti fuq il-pajsaġġ Għawdxi? Se jwassal biex ir-rata tal-iżvilupp f’Għawdex tkompli tikber? Il-proġett se jkun finanzjarjament vijabbli? Is-servizz tal-Gozo Channel jibqa’ meħtieġ u sostenibbli?

Fost dawn id-dubji l-Partit Nazzjonalista biddel il-pożizzjoni tiegħu u qal li l-kwistjoni għandha l-ewwel titressaq quddiem l-Għawdxin permezz ta’ referendum. Sadanittant, l-entużjażmu tal-Gvern beda jmajna. F’intervista reċenti ma’ Voice of the Workers Weekly il-Ministru tat-Trasport Ian Borg qal li l-Gvern għadu impenjat li jagħmel il-proġett iżda fl-istess ħin qal li l-Gvern qed jara kif qed jiżvolġi d-dibattitu peress li ma riedx jimxi ’l quddiem mingħajr ma jkollu l-kunsens kollu.

Fl-isfond tal-fatt li qed jinħass li l-proġett tal-mina mhux se jsir realtà, hemm bżonn urġenti li terġa’ tkun evalwata s-sitwazzjoni. Kif inhuma l-affarijiet, l-infrastruttura fil-Port tal-Imġarr m’għadhiex adegwata biex tilqa’ għat-traffiku marittimu bejn iż-żewġ gżejjer. L-introduzzjoni tar-raba’ bastiment tal-Gozo Channel u s-servizz tal-fast ferry kixfu l-limitazzjonijiet preżenti peress li m’hemmx biżżejjed spazju għall-irmiġġ. Dan qed iwassal biex il-passiġġieri tal-Gozo Channel xi drabi jkollhom jistennew barra l-Imġarr jew biex jagħtu preċedenza lill-fast ferry jew inkella billi t-terminal jista’ jakkomoda biss żewġ vapuri. Poġġejna l-karettun qabel iż-żiemel. Ma jagħmilx sens li żżid il-konnettività meta ma jkunx hemm infrastruttura f’postha. Barra minn hekk, il-livell tas-servizz fuq ir-raba vaġur, in-Nikolaus, hu wieħed medjokri f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċessibbiltà u l-faċilitajiet abbord.

Għalkemm għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni formali dwar il-mina, huwa iktar minn ovvju li l-konnessjonijiet tal-baħar eżistenti bejn Malta u Għawdex se jibqgħu. Għalhekk, il-Gvern għandu jibda jippjana li jkollu l-infrastruttura adegwata f’postha biex tilqa’ għal din l-espansjoni u jimmodernizza l-flotta eżistenti tal-Gozo Channel li diġà għandha 20 sena u r-raba vapur ikun wieħed ta’ livell aċċettabbli.  Bħal f’kull ħaġa jekk ma jsir xejn se nħallsu prezz ogħla fil-futur.