Fl-aħħar snin, Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) kontinwament ħarset li tespandi s-servizzi li tipprovdi fosthom sessjonijiet ta’ capacity building fuq aspetti differenti tal-proċess tal-applikazzjoni għall-fondi mill-UE. Matul dawn is-sessjonijiet, organizzazzjonijiet bħal dawk mhux governattivi, skejjel u korpi pubbliċi, jingħataw ħiliet prattiċi dwar is-suġġett.

Fl-1 u t-2 ta’ Settembru, 2021, SEM se torganizza żewġ sessjonijiet fuq kif issir applikazzjoni għal proġett. Matul dawn is-sessjonijiet, il-parteċipanti se jiġu pprovduti b’ħiliet differenti u suġġerimenti dwar kif jiktbu applikazzjoni tajba għall-finanzjament tal-UE. L-enfasi se tkun fuq il-mod kif il-parteċipanti għandhom jindirizzaw il-mistoqsijiet differenti li jistgħu jinstabu fil-formoli t’applikazzjoni. Se tingħata informazzjoni dwar kif il-parteċipanti jistgħu jadattaw l-ideat tal-proġett tagħhom għal sejħa ta’ finanzjament speċifika.

Se tingħata wkoll aktar informazzjoni dwar kif l-għanijiet u l-attivitajiet tal-proġett jistgħu jiġu żviluppati f’konformità mar-rekwiżiti tas-sejħa ta’ finanzjament.

Dawn is-sessjonijiet se jsiru kemm virtwalment kif ukoll fiżikament fl-uffiċini tas-SEM fil-Belt Valletta. Għal aktar informazzjoni u biex tirreġistra għal dawn is-sessjonijiet, jekk jogħġbok ikkuntattja lis-SEM fuq 2200 3300 jew info.sem@gov.mt.