Iljieli ma jispiċċaw qatt fi sħana qawwija, bla internet jew televiżjoni u ikel li kien fil-friża imma kellu jintrema għax tħassar kienu wħud mill-esperjenzi li ġarrbu dawk li matul dan is-sajf spiċċaw bla provvista tal-elettriku. F’xi każijiet ir-residenti sofrew 15-il siegħa bla dawl b’riżultat ta’ tbatija kbira lill-morda li kienu rikoverati f’darhom.

Dawn ix-xeni jfakkruna tas-sitwazzjoni fit-tmeninijiet meta l-infrastruttura tal-ilma u l-enerġija kienet f’sitwazzjoni tal-biki. F’dawk iż-żminijiet, li kienu karatterizzati wkoll problema qawwija ta’ nuqqas ta’ ilma, kienu jintbagħtu l-bowsers tal-ilma biex itaffu s-sitwazzjoni. 40 sena wara, jidher li morna lura għall-istess xeni, għalkemm il-bowsers ġew sostitwiti minn ġeneraturi tal-elettriku.

Iffaċċjata minn għadd kbir ta’ ilmenti l-Enemalta, waħħlet fis-sħana qawwija u fiż-żieda fid-domanda għall-elettriku. Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Jason Vella insista li dan ġara minkejja investiment ta’ € 130 miljun fuq seba’ snin biex titjieb is-sistema tad-distribuzzjoni. Madankollu, it-tweġiba tiegħu li l-qtugħ tal-elettriku huwa diffiċli ħafna li jkun imbassar ftit li xejn kienet ta’ komfort għall-konsumaturi. Jidher li għandna nlestu ruħna għal iktar qtugħ fil-provvista’ tal-elettriku.

L-Enemalta ma kienet ċara xejn fuq mistoqsijiet dwar il-klijenti li sofrew ħsarat minħabba vultaġġ baxxi jew li kellhom jarmu oġġetti tal-ikel mill-friġġ u l-friża. Min se jikkumpensahom għat-telf li ġarrbu? Jew il-klijenti niftakru fihom biss meta jasal il-kont u allaħares ma tħallasx fil-ħin?

Minn perspettiva politika, jidher ċar li l-qasam tal-enerġija sar settur problematiku. Mill-2016 ’l hawn Malta kellha xejn inqas minn erba’ ministri tal-enerġija – Konrad Mizzi, Joe Mizzi, Michael Farrugia u dik preżenti Miriam Dalli. Iż-żmien li għamlu fit-tmexxija tista’ tgħid hu inqas minn dak tal-biċċa l-kbira tal-maniġers tal-futbol! Xi ħaġa hija ħażina ħafna tabilħaqq hemm. Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli reċentement iddeskriviet il-qtugħ tad-dawl bħala “inaċċettabbli”. Madankollu, il-fatti jgħidu iktar mill-kliem. Is-settur tal-enerġija ilu fiċ-ċentru tal-attenzjoni mill-2013 meta l-Partit Laburista ġie elett bil-wegħda ewlenija tiegħu li inaqqas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u jsaħħah il-ġenerazzjoni tal-enerġija bil-bini ta’ power station ġdida li taħdem bil-gass. Id-dubji dwar pjan bħal dan kienu nibtu mill-bidu nett fost suspetti li kien hemm affarijiet oħra għaddejjin minn taħt. Tmien snin wara, hemm evidenza mhux ħażin li tindika li l-proġett tal-Electrogas kien maħsub ukoll biex ikun mezz għal tixħim. Il-fatt innifsu li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġiet maqtula brutalment allegatament f’tentattiv biex ma tikxifx il-korruzzjoni wara dan il-proġett, diġà jgħid ħafna. Issa spiċċajna b’pajjiż li r-reputazzjoni tiegħu tinsab imkissra waqt li għandna kriżi tal-enerġija. Sfortunatament, dan huwa każ ieħor fejn il-poplu jbati l-konsegwenzi tal-ftit.

Hu ta’ għadab kbir ukoll li s-sitwazzjoni preżenti hi l-oppost eżatt l-oppost ta’ dak li kien imwiegħed fl-elezzjoni ġenerali tal-2017. Fil-manifest tiegħu il-Partit Laburista kien wiegħed li “Nemmnu li qtugħ fil-provvista tad-dawl għandha ssir xi ħaġa tal-passat. Għalhekk, il-pass importanti u naturali li jmiss huwa li nkomplu bit-tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni b’rata mgħaġġla. Din se tkun strateġija ewlenija fil-politika tal-enerġija fis-snin li ġejjin”.

Il-Gvern kull sena jsejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex jagħti rendikont ta’ kemm wettaq wegħdi fl-implimentazzjoni tal-manifest. Minħabba li din il-leġiżlatura fadallha inqas minn sena, huwa naturali li nistennew azzjoni urġenti. Jidher ċar li din il-wegħda mhux talli ma twettqitx talli morna għall-agħar. Verament il-każ, kif qalet  il-ministru tal-enerġija ta’ sitwazzjoni “inaċċettabbli”.