Id-differenza fil-pagi bejn is-sessi (gender pay gap) għadha prevalenti minkejja l-bidla fil-mentalità u ż-żieda fir-rata tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-aħħar snin. Il-President il-ġdid tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa Doreen Borg Zammit għamlet din it-twissija meta kienet intervistata minn Voice of the Workers Weekly.

“Il-kwistjoni ilha tkaxkar għal snin sħaħ u ma jidhirx li s-soluzzjoni tinsab qrib,” hi qalet waqt li rrimarkat li din id-differenza ippersistiet ukoll fl-istati membri tal-UE.

“Minkejja ż-żieda fl-għarfien, għad hemm każijiet fejn in-nisa qed jidħlu fis-suq tax-xogħol, u qed jitħallsu inqas mill-irġiel minkejja li qed jagħmlu l-istess xogħol u għandhom l-istess kwalifiki,” żiedet tgħid il-President tal-Kunsill.

Id-differenza kultant tinħoloq meta n-nisa jieħdu pawża mix-xogħol biex jieħdu ħsieb uliedhom jew biex jieħdu ħsieb xi qarib. “Jekk il-familja ssir piż, ħafna drabi hija l-mara li trid tissagrifika xogħolha,” sostniet.

Borg Zammit ilha attiva fil-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa għal bosta snin wara li kienet ġiet nominata għall-ewwel darba mill-UĦM. Minn dakinhar qatt ma ħarset lura.

Riforma tal-prostituzzjoni

Il-Kunsill li huwa rrappreżentat fil-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali kien voċiferu dwar il-pjan tal-gvern biex jiddekriminalizza l-prostituzzjoni. Fl-aħħar tal-2019 flimkien ma’ 40 organizzazzjoni oħra kienu ppreżentaw pożizzjoni komuni kemm lill-Gvern kif ukoll lill-Oppożizzjoni li fiha esprimew ruħhom favur l-hekk imsejjaħ Nordic Model. Dan ifisser li x-xiri ta’ servizzi sesswali huwa reat kriminali, u l-bejgħ ta’ servizzi bħal dawn huwa parzjalment dekriminalizzat. (Tipikament, il-ħaddiema jistgħu jbigħu s-servizzi tagħhom stess, iżda affarijiet oħra fosthom burdell, u r-reklamar ta’ partijiet terzi jibqgħu illegali.) L-għan ewlieni tal-mudell huwa li titnaqqas id-domanda għal prostituzzjoni.

“Ridna nagħmlu l-pożizzjoni tagħna ċara wara li l-Gvern ried jadotta l-mudell Ġermaniż li jfisser id-dekriminalizzazzjoni kompleta tal-prostituzzjoni.” Pożizzjoni bħal din kienet ittieħdet skont riċerka u l-pariri ta’ diversi akkademiċi. Sadattant, fil-Ġermanja stess hemm pressjoni biex jidħol in-Nordic Model.

L-ebda pożizzjoni s’issa dwar l-abort

Dwar il-kwistjoni tal-abort, il-President tal-Kunsill qalet li se jkunu qed jieħdu pożizzjoni fiż-żmien li ġej. “Din hija sikkina taqta’ miż-żewġ naħat, u se nistennew il-ħruġ ta rapport intern qabel ma nippronunzjaw ruħna.”

Minbarra dawn il-kwistjonijiet il-Kunsill joffri għajnuna permezz ta’ korsijiet edukattivi dwar id-diġitalizzazzjoni, l-intraprenditorija, u l-informatika. Huma jaħdmu wkoll biex jindirizzaw ċerti anomaliji tal-pensjoni, speċjalment nisa li ma jikkwalifikawx għal pensjoni xierqa minħabba li jkollhom xi bolol nieqsa. Ċirkostanzi bħal dawn spiss huma r-riżultat ta’ waqfiet fil-karriera biex jitrabbew it-tfal jew inkella għax ikunu impjegati f’negozju tal-familja fejn il-bolol xi drabi jiġu traskurati.

Il-Kunsill hu wkoll involut b’mod attiv f’konsultazzjonijiet pubbliċi dwar Abbozzi ta’ Liġi u suġġetti oħra ta’ interess. Barra minn hekk kull sena jippreżenta l-proposti tal-Baġit, bħal ma jsir mill-imsieħba soċjali.