Rimarki li għamel dan l-aħħar id-Deputat Laburista Oliver Scicluna li esprima ruħu iddiżgustat dwar il-klijenteliżmu fis-sistema politika Maltija qajjmu kjass. Dan il-verdett wasal għalih wara li ilu biss sena fil-politika.

“Ħafna individwi jiġu għandi u jgħiduli ‘jekk tgħini, naħseb fik. Hi frażi li ddejjaqni, għax nemmen li n-nies għandhom jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt, jekk huma intitolati għalih.” Scicluna żied li kliem bħal dan donnu jħossu bħala theddida fina kif ukoll li ħassu offiż u mweġġa’ b’tali talbiet.

“Qed ngħid dan kollu pubblikament għax inħossni offiż meta xi ħadd jiġi għandi jitlob l-għajnuna, bl-idea li jista’ jisarraf il-vot tiegħu għal pjaċir… Irrid li n-nies li jivvutawli minn qalbhom, għax jemmnu li nista’ nagħmel xi ħaġa tajba, mhux biex isarrfu l-vot għal xi pjaċir,” qal id-Deputat Laburista.

Ironikament, dawn ir-rimarki saru minn deputat ta’  partit li fl-2013 tela’ fil-gvern bl-għajta tal-meritokrazija. Jekk Scicluna għandu xi tama li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss – għax b’dak li qal qajjem mistoqsijiet serji dwar il-futur politiku tiegħu – ir-rimarka li għamel fuq Facebook żgur ma niżlux tajjeb mal-partitarji Laburisti akkaniti. Huwa fatt magħruf li f’Malta l-kostitwenti jivvutaw skont x’jakkwistaw mill-membri parlamentari tagħhom. Xi wħud jistgħu saħansitra jagħmluha fuq diversi fronti, bħallikieku l-vot tagħhom kien se jiġi irkantat. Din il-kultura hi endemika tal-politika Maltija. Jekk hemm xi ħadd li jgħid li ma jafx b’dan kollu, mela dan kien fil-qamar! F’dan il-kuntest, il-kummenti ta’ Scicluna bilkemm jitwemmnu għax żgur kien konxju għal dan kollu qabel ma aċċetta s-siġġu parlamentari.

Madankollu, xorta waħda għandu jingħata l-mertu tal-pożizzjoni li ħa, aktar u aktar meta wieħed iqis li s-siġġu tiegħu jafu lill-Kap tal-partit tiegħu u lill-Prim Ministru Robert Abela. Dan għaliex kien Abela li iddeċieda li Scicluna jkun co-opted fis-siġġu parlamentari vakat minn Edward Scicluna u mhux li jimtela skont ir-rieda demokratika tal-elettorat f’elezzjoni każwali.

Sadanittant, id-Deputat Laburista f’nofs din il-kontroversja li ħoloq hu stess issa jinsab f’salib it-toroq. Jistaʼ jibqa’ silenzjuż  u ma jikkummenta xejn aktar, jew inkella jistaʼ jagħżel li jkompli fit-triq li qabad. Meta wieħed iqis li jista’ jkun li ċ-ċansijiet li jkun elett minn fost l-elettorat Laburista fl-elezzjoni li jmiss ħadu daqqa ta’ ħarta,  jista’ jagħżel li jkompli fit-triq li qabad li jiġġieled il-klijenteliżmu fil-politika. F’dak il-każ, għandu art fertili biex jagħmel kampanja qawwija billi jikkundanna lil xi wħud mill-kollegi tiegħu li tgħidx kemm qed iqassmu postijiet tax-xogħol mal-Gvern jew bis-sistema tal-kuntrattur biex jirbħu l-voti. Hemm ukoll kandidati u Membri Parlamentari li jqassmu kull xorta ta’ affarijiet li jvarjaw minn larinġ, ħelu, u skont ċertu xnigħat anke white goods!

Din tista’ tkun opportunità tad-deheb jekk mhux ta’ darba għal deputat biex jieħu pożizzjoni soda kontra l-klijenteliżmu u jwassal messaġġ qawwi f’isem dawk kollha li jemmnu tassew fil-meritokrazija, l-integrità u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.