Fl-​1811, il-​filosfu Franċiż Joseph de Maistre kien iddikjara li “kull pajjiż għandu l-​gvern li jixraqlu.” Fil-każ tagħna dan se jiġi deċiż is-Sibt meta l-elettorat hu msejjaħ biex jagħżel gvern ġdid għall-ħames snin li ġejjin.

Il-leġiżlatura li waslet fi tmiemha tispikka bħala l-aktar waħda li ġabet taqlib f’għexieren ta’ snin. Bdiet bil-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u laħqet il-qofol tagħha sentejn wara bi kriżi politika li ġiegħlet lil Joseph Muscat jirriżenja. Is-suċċessur tiegħu, Robert Abela ġie elett fuq il-wegħda ta’ kontinwità. F’termini reali, l-aħħar sentejn kienu dominati mill-pandemija tal-Covid-19 u mid-deċiżjoni tal-FATF li tpoġġi lil Malta fuq il-lista l-griża. Dawn iż-żewġ kwistjonijiet kienu l-għerq tad-deċiżjonijiet u l-kontroversji ewlenin kollha minn dakinhar sal-lum.

Is-sena l-oħra stħarriġ tal-EY ikkonkluda li 60% taż-żgħażagħ Maltin ma jaraw l-ebda futur hawn. Kull min trabba f’kultura ta’ klijenteliżmu, fejn it-triq għas-suċċess hija bbażata fuq rabtiet politiċi, lil min taf u mhux kemm taf, jifhem il-għala dawn iż-żgħażagħ jaħsbuha hekk.

F’Malta l-elezzjonijiet rari jintrebħu bis-saħħa tal-ġid komuni jew fuq xi pjan fit-tul. Min-naħa l-oħra, numru sinifikanti jagħtu l-ewwel preferenza tagħhom esklussivament skont il-gwadann personali irrispettivament minn x’riperkussjonijiet ikun hemm għall-ħaddieħor. It-tqassim ta’ €70 miljun f’ċekkijiet tal-gvern hu sintomu ta’ dan kollu. Imħabbra fil-bidu ta’ Frar, meta l-elezzjoni setgħet potenzjalment tkun sa sitt xhur ’il bogħod, l-’iskema’ ta’ injezzjoni ta’ flus ġiet posposta b’diversi ġimgħat b’tali mod li l-flus tqassmu ħmistax qabel l-elezzjoni. Ovvjament, iż-żmien intgħażel b’mod strateġiku f’tentattiv biex jintrebħu kemm jista’ jkun voti. L-ebda partit ma kien se jirrikorri għal pjan bħal dan li kieku ma kienx hemm indikazzjoni li xi ħaġa bħal din trebbħek il-voti.

Fl-isfond ta’ dan kollu, xnigħat li f’ċertu distretti qed jitqassmu white goods ma jistgħux ikunu skreditati għal kollox. Sadattant, ma kien hemm ebda waqfien fil-ħruġ tal-permessi għall-iżvilupp maħruġa mill-awtorità tal-ippjanar jew aħjar tal-permessi kif sejħulha xi wħud.

L-unika eċċezzjoni tidher li kienet dwar ftehim kollettiv pendenti fejn it-taħditiet twaqqfu ħesrem, għar-raġuni li gvern caretaker ma jistax jieħu ċerti deċiżjonijiet. Surreali mhux hekk, meta taħseb x’inhu jiġri! Aktar qaddisin mill-papa fejn jidħlu ħaddiema!

L-elezzjoni tas-Sibt tippreżenta opportunità biex jitwassal messaġġ qawwi favur il-ġustizzja, il-meritokrazija u l-governanza tajba. Din l-opportunità qiegħda hemm biex tittieħed. Kull min jastjeni se jkun qed jidħak bih innifsu. Tkun xi tkun il-parteċipazzjoni, ir-riżultat irid ikun rispettat.  Fl-aħħar mill-aħħar, kull nazzjon jieħu l-gvern li jixraqlu.