Il-bejgħ ta’ passaporti Maltin fl-2020 kompla jonqos u niżel fl-inqas livell minn kemm ilu li bdiet l-iskema b’185 applikazzjoni biss li kienu approvati, jiġiferi inqas minn nofs l-ogħla numru qatt rreġistrat li kien fl-2016 meta nbiegħu 382 passaport. Mit-tnedija tiegħu fl-2014, il-programm kien jikkostitwixxi sors ta’ dħul finanzjarju importanti għall-gvern tant li sal-aħħar tal-2020 id-dħul totali qabeż €1 biljun li minnhom €928 miljun marru fil-kaxxa ta’ Malta u €46 miljun lid-ditta privata Henley and Partners li tamministra l-iskema.

It-tnaqqis fil-popolarità ta’ dan il-programm, li ma jawgurax tajjeb għall-finanzi pubbliċi, seħħ fl-istess żmien meta kibret il-kritika li dan il-programm kien qed jintuża minn individwi dubjużi inklużi Oligarki Russi biex jiksbu ċ-ċittadinanza tal-UE. Barra minn hekk, Brussell ilha ssostin li l-bejgħ taċ-ċittadinanza mhuwiex il-kompetenza unika ta’ Malta, għas-sempliċi raġuni li l-passaport Malti jiftaħ il-bieb ukoll għall-istati membri l-oħra kollha. Is-sena li għaddiet investigazzjoni mill-proġett tal-Passaport Papers żvelat li l-applikanti kienu qed iqattgħu 16-il jum biss f’Malta minflok il-perjodu obbligatorju ta’ sena.

F’Ottubru 2020, il-Kummissjoni Ewropea bdiet proċeduri legali kontra Malta għax qalet li din kienet qed tonqos milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera u qed tmur kontra d-definizzjoni ta’ ċittadinanza tal-Unjoni kif stipulat fit-Trattati.

Għalkemm lejn l-aħħar tal-2020, l-iskema oriġinali tal-bejgħ għall-passaporti ġiet sostitwita b’verżjoni emendata li suppost saħħet ir-rabtiet tal-applikanti ma’ Malta, dawn il-proċedimenti baqgħu għaddejjin. L-iskema reġgħet kienet taħt l-attenzjoni wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, meta Malta ġiet imġiegħla minn Brussell biex ma tkomplix taċċetta applikazzjonijiet minn ċittadini Russi li flimkien maċ-Ċiniżi jikkostitwixxu porzjon sinifikanti ta’ klijenti potenzjali. Intant, il-Parlament tal-UE dan l-aħħar appella lill-Kummissjoni biex twaqqaf il-bejgħ tal-passaporti Ewropej u skemi bħal dawk ta’ Malta.

Dettalji dwar din l-iskema kontroversjali ġew żvelati dan l-aħħar mill-Uffiċċju tar-Regolatur, fis-seba’ rapport annwali li jkopri l-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju, 2019 sal-aħħar tal-2020. Fir-rimarki tiegħu, ir-regolatur Carmel L. De Gabriele wieġeb għall-kritika u l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront ta’ dan il-programm u nsista li l- kienu qed jiġu mgħarbula “b’mod metikoluż” “sal-inqas dettal”. Skont ir-regolatur il-pandemija tal-Covid-19 ħalliet impatt negattiv fuq il-programm minħabba r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar li ġew imposti.

Minn analiżi statistika jirriżulta li matul dan il-perjodu ta’ 18-il xahar ġew sottomessi 317-il applikazzjoni, li kien 11 inqas mit-12-il xahar preċedenti. Fir-rigward tan-nazzjonalitajiet, ir-rapport jagħti dettalji skarsi billi jaqsamhom fi tmien reġjuni, bl-Ewropa u l-Asja fuq quddiem– probabbilment minħabba applikazzjonijiet minn ċittadini Russi u Ċiniżi.

Filwaqt li fl-2020 ġew approvati 185 applikazzjoni, tnaqqis minn 239 fl-2019, fl-2020  ġew rifjutati 103 applikazzjonijiet – tnaqqis minn 117 fl-2019.

F’termini ta’ impatt fuq l-ekonomija, il-valur tal-proprjetà mixtrija fl-2020 kien ta’ €6.3 miljun bil-valur medju ta’ kull propjetà jkun ta’ €782,000. Il-maġġoranza l-kbira, iżda, għażlu li jikru proprjetà bil-livell ġenerali ta’ nfiq ikun ta’ €11.7 miljun li jfisser kera medja annwali ta’ €18,591 għal kull propjetà. Barra minn hekk, l-investimenti fl-istokks tal-gvern kienu ta’ €20.1 miljun filwaqt li €590,450 ġew mogħtija lil entitajiet u organizzazzjonijiet filantropiċi. F’dan ir-rigward l-akbar benefiċjarji kienu Puttinu Cares u l-Malta Community Chest Fund.