Il-fergħa edukattiva FSS Ltd. ta’ UĦM Voice of the Workers b’dehra ġdida
Imnedija korsijiet li jwasslu għall-O’Levels u għall-A’Levels
FSS Ltd, il-kumpanija sussidjarja tal-UĦM, ilha għal dawn l-aħħar ftit snin, minn ta’ quddiem tipprovdi ħiliet għax-xogħol lil żgħażagħ li mhumiex fl-edukazzjoni, mhumiex jaħdmu jew li mhux qed jitħarrġu. FSS Ltd. ukoll għenet lil persuni adulti li kienu ilhom bla impjieg għal diversi xhur. Fil-fatt, FSS Ltd. kienet strumentali biex mexxiet l-iskema Garanzija taż-Żgħażagħ u l-inizjattiva Work Programme. Aktar informazzjoni dwar dawn il-proġetti tinstab billi tidħol fuq dan il-link: http://www.fss.com.mt/elements/pages/about/).
Barra minn hekk, matul din l-aħħar sena, FSS Ltd. bdiet tespandi u ħasset il-ħtieġa li twettaq eżerċizzju biex ittejjeb id-dehra u l-operat tagħha. Fil-fatt, FSS Ltd. se tibda tissejjaħ St. Gabriel’s Institute. St. Gabriel’s Institute se jkun attiv fl-edukazzjoni u se jkun qed iżewweġ it-teknoloġija ma’ metodi tradizzjonali ta’ tagħlim.
L-istudenti se jkollhom portal li permezz tiegħu se jkunu jistgħu jiksbu n-noti kollha tagħhom u jkollhom aċċess għax-xogħol tagħhom. Aktar minn hekk, il-ġenituri wkoll se jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar il-progress tat-tifel/tifla tagħhom. App fuq il-mowbajl ukoll se tiġi introdotta sabiex dan it-tagħrif ikun disponibbli.
Sabiex tniedi d-dehra ġdida tagħha, FSS Ltd. bdiet toffri korsijiet li jwasslu għall-eżamijiet tal–O’Levels, tal-A’Levels jew dawk Intermediate f’Mejju 2020. Il-prezzijiet introduttorji se jkunu €48 kull xahar għall-korsijiet tal-O’Levels u €96 kull xahar għall-korsijiet Intermediate jew tal-A’Levels.
Jekk inti interessat/a, applika u ħallas onlajn fuq dan is-sit: http://www.fss.com.mt/product.may-2020-matsec-courses/. Tista’ wkoll tħallas bi flus kontanti jew b’ċekk. Għal iżjed informazzjoni dwar dawn il-korsijiet, ibgħat email fuq jmicallef@fss.com.mt.