Il-bidliet demografiċi jħallu impatt u żvilupp soċjali
Meta wieħed janalizza l-popolazzjoni f’Malta jsib li bejn l-2008 sal-2018, din żdiedet b’82,000 persuna. Imma meta wieħed jara fejn l-aktar żdiedet il-popolazzjoni jintebaħ li f’lokalitajiet bħal iż-Żurrieq, Ħaż-Żebbuġ, il-Fgura u Birkirkara l-popolazzjoni f’dawn il-lokalitajiet żdiedet b’madwar 900 persuna. F’imkejjen oħrajn bħal San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema, San Ġiljan u Birżebbuġa u s-Swieqi, wieħed jara żidiet kbar ħafna. F’perijodu ta’ 10 snin, il-popolazzjoni f’San Pawl il-Baħar żdiedet bi 12,000 persuna u dik f’Tas-Sliema żdiedet bi 8,000 ruħ. L-influss tal-barranin wassal għal dan il-fenomenu.
Meta wieħed jara l-barranin li qed jgħixu f’Malta, filwaqt li fl-2008 in-numru ta’ ħaddiema barranin kien jgħodd 16,000 – ekwivalenti għal erbgħa fil-mija tal-popolazzjoni – dan in-numru tela’ għal 83,000 fl-2018. Bidla sinifikanti ħafna.
Fuq livell nazzjonali, Malta hija nazzjon imfittex biex wieħed jgħix fih minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu fejn il-klima hija pjaċevoli meta mqabbla ma’ pajjiżi oħrajn. Pajjiżna huwa wkoll imfittex għal raġunijiet ġeopolitiċi għax Malta hi stat membru tal-Unjoni Ewropea, fattur li jattira l-mobbiltà, u l-pajjiż hu wieħed stabbli politikament. Barra minn hekk, Malta mhux pajjiż li fih tibża’ toħroġ fit-triq. Pajjiżna wkoll qed jattira wkoll nies li jħossu li huma parti minn minoranza għax iħossu li hawn ċertu libertajiet li forsi f’pajjiżi oħrajn ma jeżistux. Il-fatt li l-ekonomija sejra tajjeb u hawn ħafna postijiet tax-xogħol ukoll jattira ħafna barranin lejn pajjiżna.
Il-bidliet dinamiċi fil-popolazzjoni qed jaffettwaw il-ħajja fil-lokalitajiet tagħna. Stħarriġ akkademiku li sar dan l-aħħar jiżvela li l-aktar kwistjoni li qed tinkwieta lill-Maltin tabilħaqq hija ż-żieda fil-popolazzjoni, jew aħjar il-preżenza ta’ ħafna barranin f’pajjiżna. Hawn min jargumenta li mill-aspett ekonomiku, Malta teħtieġ aktar nies partikularment fis-settur tal-kostruzzjoni u xogħolijiet relatati, fil-catering u fis-servizzi finanzjarji. Minkejja dan, il-Maltin qed iħossuhom anzjużi għax il-popolazzjoni ta’ Malta qed tiżdied ħafna. L-istħarriġ wera li l-Maltin mhumiex imħassbin bin-nazzjonalità jew bil-kultura tal-barranin.
Madankollu, Voice of the Workers jikkontendi li din ir-realtà trid tiġi indirizzata u jistaqsi wkoll hekk humiex qed isiru l-isforzi biżżejjed biex dawn il-ħaddiema barranin ikunu integrati fis-soċjetà Maltija.