Ir-regoli l-ġodda jsaħħu d-dritt għat-tiswija, għandhom l-għan li jnaqqsu l-iskart u jsaħħu s-settur tat-tiswija mingħajr spejjeż esaġerati. Il-Parlament adotta d-direttiva dwar l-hekk imsejjaħ “dritt għat-tiswija” għall-konsumaturi b’584 vot favur, 3 kontra u 13-il astensjoni. Ir-regoli jiċċaraw l-obbligi għall-manifatturi li jsewwu l-oġġetti u jinkoraġġixxu lill-konsumaturi jestendu ċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott permezz tat-tiswija.

L-obbligu ta’ tiswija

Ir-regoli l-ġodda jiżguraw li l-manifatturi jipprovdu servizzi ta’ tiswija f’waqthom u kosteffettivi u jinfurmaw lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom għat-tiswija. L-oġġetti msewwija bil-garanzija se jibbenefikaw minn estensjoni addizzjonali tal-garanzija legali b’sena, u b’hekk din tkompli tinċentiva lill-konsumaturi biex jagħżlu li jsewwu minflok ma jibdlu.

Wara li l-garanzija legali tkun għalqet, il-manifattur xorta jkun meħtieġ isewwi prodotti komuni tad-dar, li teknikament jistgħu jissewwew skont il-liġi tal-UE, bħal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, vacuum cleaners, u anke smartphones. Il-lista ta’ kategoriji ta’ prodotti tista’ tiġi estiża maż-żmien. Il-konsumaturi jistgħu wkoll jissellfu apparat waqt li l-prodott tagħhom ikun qed jissewwa jew, jekk tiswija ma tistax issir, jagħżlu oġġett rikondizzjonat bħala alternattiva.


Informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet u s-servizzi tat-tiswija

Tista’ tiġi offruta formola ta’ informazzjoni Ewropea lill-konsumaturi biex tgħinhom jivvalutaw u jqabblu s-servizzi tat-tiswija (li tagħti dettalji dwar in-natura tad-difett, il-prezz u t-tul ta’ żmien tat-tiswija). Biex jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ tiswija, se titwaqqaf pjattaforma online Ewropea b’taqsimiet għall-pajjiżi differenti biex tgħin lill-konsumaturi jsibu faċilment ħwienet tat-tiswija lokali, bejjiegħa ta’ oġġetti rikondizzjonati, xerrejja ta’ oġġetti difettużi jew inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità.

Nerġgħu nagħtu l-ħajja lis-suq tat-tiswija

Ir-regoli għandhom l-għan li jsaħħu s-suq tat-tiswija tal-UE u jnaqqsu l-ispejjeż tat-tiswija għall-konsumaturi. Il-manifatturi se jkollhom jipprovdu spare parts u għodod bi prezz raġonevoli u se jkunu pprojbiti milli jużaw klawżoli kuntrattwali u tekniki ta’ hardware jew ta’ software li jostakolaw it-tiswijiet. B’mod partikolari, dawn ma jistgħux jimpedixxu l-użu ta’ spare parts użati jew stampati 3D minn persuni li jsewwu b’mod indipendenti, u lanqas ma jistgħu jirrifjutaw li jsewwu prodott għal raġunijiet ekonomiċi biss jew minħabba li qabel ikun issewwa minn xi ħadd ieħor.

Nippromwovu tiswija affordabbli

Sabiex it-tiswijiet isiru aktar affordabbli, kull Stat Membru se jkollu jimplimenta mill-inqas miżura waħda biex jippromwovi t-tiswija, bħal vawċers u fondi għat-tiswija, jagħmel kampanji ta’ informazzjoni, joffri korsijiet ta’ tiswija jew jappoġġja spazji ta’ tiswija mmexxija mill-komunità.


Il-passi li jmiss

Ladarba d-direttiva tiġi approvata formalment mill-Kunsill u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, l-Istati Membri se jkollhom 24 xahar biex jittrasponuha fil-liġi nazzjonali.