Għal darb’oħra, il-pajjiż qed jibki telfa traġika oħra fl-industrija tal-kostruzzjoni. Il-mewt riċenti ta’ Albaniż ta’ 51 sena meta ċeda saqaf, reġgħet fetħet beraħ il-ferita  tal-perikli persistenti li jiffaċċjaw il-ħaddiema f’dan is-settur. Minkejja bosta assigurazzjonijiet u wegħdiet għal titjib, inċidenti bħal dawn ikomplu jseħħu. Huwa evidenti: il-wegħdiet waħedhom mhux se jsalvaw ħajjiet; jeħtieġ li tittieħed azzjoni tanġibbli.

Ir-realtà allarmanti hija evidenti: ix-xogħlijiet fejn seħħ l-inċident fatali kienu qed isiru  mingħajr awtorizzazzjoni (commencement notice) – bozza ħamra li tikxef l-infurzar laxk tar-regolamenti. Filwaqt li Malta tiftaħar li għandha qafas regolatorju li jidher b’saħħtu fuq il-karta, hemm baħar jaqsam bejn it-teorija u l-prattika. Sfortunatament, il-profitti u l-flus qed jitpoġġew qabel kull kunsiderazzjoni oħra, inkluż il-ħajja tan-nies. 

Huwa ta’ qtigħ il-qalb li naraw sitwazzjoni fejn isiru r-rakkomandazzjonijiet biex imbagħad ikun hemm l-intoppi fl-implimentazzjoni. X’jiswa li jkollok regoli u linji gwida mill-aqwa jekk ma jiġux infurzati? L-inċident traġiku jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ mekkaniżmi stretti ta’ infurzar. Jidher ċar li r-regolamenti eżistenti huma bla snien, u jippermettu li xi wħud fl-industrija tal-kostruzzjoni jaħsbu li huma xi cowboys li ma’ jista’ għalihom ħadd

Kemm aktar ħajjiet iridu jiġu sagrifikati qabel ma tittieħed azzjoni deċiżiva? Hija mistoqsija li titlob tweġiba urġenti – appell biex noħorġu miċ-ċiklu vizzjuż ta’ nuqqas ta’ azzjoni, apatija u li kollox jgħaddi.

Iż-żmien għal miżuri nofs kedda u ġesti simboliċi ilu għadda. Malta trid taffaċċja r-realtà ħarxa tal-industrija tal-kostruzzjoni tagħha b’mod dirett, billi tindirizza l-fallimenti sistematiċi b’determinazzjoni qawwija. Dan jinvolvi t-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ infurzar, it-tisħiħ tas-sorveljanza, u li min ikun responsabbli lil poġġa f’periklu is-sigurtà tal-ħaddiema  u ta’ terzi, iħallas ta’ għemilu.

Barra minn hekk, hu kruċjali li fis-settur tal-kostruzzjoni tinħoloq kultura li l-affarijiet irid jsiru bis-serjetà, mhux biss biex inħarsu l-liġi imma fuq kollox għax hemm il-ħajja tan-nies involuta.   Id-drittijiet tal-ħaddiema għandhom jiġu mħarsa, u min iħaddem jinżamm responsabbli biex jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin. Hu biss permezz ta’ sforz kollettiv u impenn bla waqfien li nistgħu inwittu t-triq għal industrija tal-kostruzzjoni aktar sigura – waħda fejn traġedji bħal dik  ta’ ftit jiem ilu jsiru xi ħaġa tal-passat aktar milli ħmar il-lejl kontinwu.

Fid-dawl ta’ mewt oħra fil-kostruzzjoni, Malta tinsab f’salib it-toroq – mument kruċjali fejn azzjoni deċiżiva tista’ tbegħidna mill-perikli tal-apatija u t-traskuraġni. Jalla din it-traġedja sservi bħala katalist għal bidla sinifikanti fil-mentalità biex il-ħajja umana tingħata prijorità fuq kull ħaġa oħra. Aktar dewmien, se jfisser biss aktar imwiet.