L-isforzi biex tiġi salvata fortifikazzjoni militari storika f’Għawdex qed jaqgħu fuq widnejn torox fl-isfond tad-dewmien esaġerat tal-gvern biex jieħu azzjoni qabel ma jkun tard wisq.

Il-Batterija tal-Qbajjar, li tinsab fil-limiti ta’ Marsalforn tmur lura għas-seklu 18 fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann. Fl-1981 il-proprjetà kienet ġiet mikrija u ‘konvertita’ għal night club bl-isem ta’ The Rook u kienet saret post popolari. L-isabbiliment ingħalaq madwar il-bidu tal-millennju wara modifiki strutturali kontroversjali f’dan il-bini storiku li kienu wasslu lill-awtorità tal-ippjanar biex toħroġ avviż ta’ infurzar. Minn dakinhar, il-bini tħalla traskurat, u l-impatt tal-elementi qed iħalli l-effett tiegħu fost sinjali li partijiet mill-forti jinsabu f’xifer il-kollass.

Il-kwistjoni kienet ripetutament imqajma fil-parlament, bl-aħħar darba tkun fit-23 ta’ April, meta d-Deputat tal-Oppożizzjoni Chris Said staqsa lill-Ministru tal-Artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi dwar l-aħħar żviluppi. Madankollu, mistoqsijiet dwar l-azzjoni li ttieħdet fl-aħħar sena mill-Awtorità tal-Artijiet biex tevita l-kollass tal-forti u l-pjanijiet tagħha għall-futur, kif ukoll ir-raġuni għaliex is-sit għadu ma ngħatax lill-NGO Din l-Art Helwa – li offriet li l tirrestawra is-sit għall-istat oriġinali tiegħu – ingħataw tweġiba xotta.

Dr Zrinzo Azzopardi evita li jidħol fil-merti l-kwistjoni billi rrefera għal tweġiba preċedenti ta’ sentenza waħda mogħtija aktar kmieni dan ix-xahar. F’din l-aħħar tweġiba, il-ministru kien ġie mitlub għal darb’oħra biex jiddeskrivi l-pjanijiet tal-gvern iżda għal darb’oħra ma ħax pożizzjoni ċara. L-unika informazzjoni li ġiet żvelata kienet li l-battalja legali li kienet ilha sejra snin twal bejn il-gvern u l-kumpanija li kellha n-night club kienet spiċċat u konsegwentement l-Awtorità tal-Artijiet kienet qed tevalwa l-aħjar triq ’il quddiem.

Il-batterija kienet nbniet mill-Ordni ta’ San Ġwann fl-1716 fuq biċċa art bejn il-bajjiet tax-Xwejni u l-Qbajjar. Ġiet imsemmija għal għolja fil-qrib magħrufa bħala l-Qolla l-Bajda. Il-forti kien iddisinjat mill-inġiniera militari Jacques de Camus d’Arginy u Bernard de Fontet.

Il-batterija hija l-unika binja li baqa’ minn katina ta’ fortifikazzjonijiet li ddefendew Marsalforn u l-bajjiet fil-qrib minn attakki Ottomani jew tal-Barbari. Dan għaliex l-

In-naħa tal-baħar tal-batterija hija protetta b’foss żgħir, u s-salini jinsabu qrib.

Il-batterija ġiet abbandunata fis-seklu dsatax, iżda reġgħet intużat bħala post ta’ osservazzjoni matul it-Tieni Gwerra Dinjija.