Is-sitt deputati Ewropej li se jkun eletti f’isem Malta fl-elezzjoni ta’ 8 ta’ Ġunju irid jaħdmu flimkien u ma jħarsux lejn l-interess politiku partiġjan, għax hekk biss jista’ jitħares l-interess nazzjonali.

Il-President tal-Parlament Ewoprew Roberta Metsola sostniet dan waqt li kienet qed tindirizza konferenza organizzata mill-UHM Voice of the Workers fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem.

“L-agħar ħaġa li jista’ jiġrilna u li nistgħu nagħmlu hu li bħala deputati Ewropej niffukaw biss fuq il-ħidma tagħna biex  niksbu xi headline, u ninjoraw l-istampa l-kbira. Jekk pożizzjoni ma tasalx mingħand ministeru partikolari irridu naraw u nistaqsu għaliex ma waslitx. Jekk il-kummissarju Malti, ikun min ikun ma jagħrafx fil-bidu nett li jista’ jkun hemm problema, se jkollna problema għax sakemm naslu sal-vot ikun tard wisq.”

Fid-diskors tagħha l-President tal-Parlament Ewropew elenkat l-esperjenza ta’ Malta matul l-20 sena tas-sħubija fl-UE u l-impatt li din kellha fuq il-futur tal-pajjiż.

Il-konferenza ngħalqet bid-diskors tal-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella li appella biex l-UE tgħin aktar unions ġenerali biex ikunu f’pożizzjoni aħjar li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom billi fost l-oħrajn ikollhom aktar riżorsi. Spjega li bħala medja l-UHM tagħmel ftehim kollettiv kull għaxart ijiem, waqt li fl-istess ħin tkun trid tieħu sehem f’diversi fora u tagħmel analiżi ta’ direttivi Ewropej qabel ma jkun tard wisq.

Fuq aspett Ewropew, appella biex ikun hemm sforz akbar biex direttivi Ewropej bħal dawk li jolqtu l-ħaddiema, ikollhom perjodu li matulu jkunu implimentati sal-massimu tagħhom, anki jekk kull pajjiż jieħu żmien differenti biex jilħaq din il-mira.  

Josef Vella saħaq fuq l-importanza tal-ġustizzja soċjali u qal li hu l-obbligu tal-politiċi li jaħdmu biex iwettqu l-ħolm tal-poplu. Bl-istess mod kif il-ħolma ta’ Malta indipendenti, ħielsa u Ewropea intlaħqu, hekk ukoll nistgħu naspiraw biex inkomplu nimxu ’l quddiem, sostna l-Kap Eżekuttiv tal-UHM.

Għat-tielet sena konsekuttiva fil-konferenza kienet diskussa wkoll il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja fuq prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali fejn minn studju li qed tagħmel il-UHM ħareġ li l-fatt li l-gvern qed jibqa’ jintaxxa l-COLA qed iwassal biex f’sena il-familji qed jitilfu sa massimu ta’ żewġ xirjiet ta’ madwar €160 kull waħda.

Il-konferenza kienet tinkludi wkoll dibattitu dwar il-populiżmu u bis-sehem tal-kandidati Laburisti Claudette Abela Baldacchino u Steve Ellul u l-kandidati Nazzjonalisti David Agius u Peter Agius.

Saret ukoll preżentazzjoni dwar il-konklużjonijiet ta’ studju li sar mill-Professur Philip Von Brockdorff u Jonathan Spiteri bl-isem ‘A New Left Economics’. Din kienet segwita b’diskussjoni li fiha ħa sehem il-kandidat independenti il-Prof. Arnold Cassola, il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella u l-Prof. Von Brockdorff.

Id-direttur tal-UHM Mario Sacco fetaħ il-konferenza b’diskors dwar l-isfidi ewlenin li għandhom quddiemhom il-ħaddiema u l-kisbiet li għamlet il-union fl-aħħar sena.