Bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024, aktar minn 370 miljun persuna f’27 Stat Membru se jissejħu biex jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej. Sabiex ikompli jinforma liċ-ċittadini tal-UE u jħeġġiġhom jivvutaw, il-Parlament Ewropew qed iniedi t-tieni fażi tal-istrateġija ta’ komunikazzjoni istituzzjonali tiegħu.

Din it-tieni fażi tisħaq fuq l-importanza tad-demokrazija permezz tas-slogan “Uża l-vot tiegħek. Inkella ħaddieħor se jiddeċiedi għalik”. Din se tieħu diversi forom, inklużi avvenimenti tal-midja, komunikazzjoni diġitali, involviment tas-sħab pubbliċi u privati, inizjattivi ta’ involviment tal-komunità u programmi edukattivi mfassla għaċ-ċittadini madwar l-UE.

Fost l-isforzi biex jasal il-messaġġ liċ-ċittadini hemm il-filmat ta’ 4 minuti “Uża l-vot tiegħek”li jinkludi xhieda ta’ ċittadini anzjani minn pajjiżi differenti tal-UE li jirrakkontaw l-istejjer tagħhom dwar id-demokrazija lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom u jisħqu li dan id-dritt demokratiku ma jistax jitqies bħala fatta.

Illum, id-demokrazija tal-Unjoni Ewropea hija aktar importanti minn qatt qabel. Il-vot tiegħek se jiddeċiedi d-direzzjoni tal-Ewropa għall-ħames snin li ġejjin. Se jiddeċiedi f’liema tip ta’ Ewropa rridu ngħixu,” tgħid il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. “Tħallix lil ħaddieħor jiddeċiedi għalik. Nhar it-8 ta’ Ġunju 2024, mur ivvota. Kull vot jgħodd”.

Responsabbiltà kollettiva

Hekk kif l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sfidi li qed jikbru u bl-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2024 wara l-bieb, il-Parlament Ewropew qed itenni l-impenn tiegħu li jrawwem id-djalogu, l-unità u ċ-ċittadinanza attiva. Is-slogan “Uża l-vot tiegħek. Inkella ħaddieħor se jiddeċiedi għalik” iservi ta’ tfakkira b’saħħitha li d-demokrazija hija wirt prezzjuż li kollha kemm aħna rridu nrawmu u nħarsu.

“Id-demokrazija hija responsabbiltà kollettiva, mhux lejn idea politika jew kawża speċifika, iżda lejn xulxin”, jgħid il-kelliem tal-Parlament Ewropew Jaume Duch. “Id-demokrazija Ewropea tgħaqqadna aktar milli naħsbu. Tgħaqqad in-nazzjonijiet, is-sensittivitajiet politiċi u l-ġenerazzjonijiet. Fiż-żminijiet polarizzati tal-lum huwa faċli li ninsew, u l-kampanja tagħna magħmula apposta biex tfakkarna f’dak li jgħaqqadna.”

B’mod aktar speċifiku, il-filmat ċentrali tal-kampanja jkompli jesplora l-istorja mqanqla ta’ ħafna pajjiżi Ewropej li esperjenzaw kunflitti armati jew trażżin tal-libertà individwali. Dan il-filmat juri wkoll kemm id-demokrazija hija prekarja u li jeħtieġ insostnuha b’mod attiv.

L-interess fl-elezzjonijiet tal-UE qed jiżdied

Fl-2019, aktar minn nofs il-votanti eliġibbli fl-Ewropa ħarġu jivvutaw (50.6%). L-istħarriġ tal-Ewrobarometru tar-rebbiegħa 2024 f’isem il-Parlament Ewropew, li għalih wieġbu aktar minn 26,000 ruħ fl-Istati Membri kollha tal-UE, wera li 60% tal-Ewropej huma interessati fl-elezzjonijiet tas-6-9 ta’ Ġunju 2024. Dan jindika 11-il punt aktar mir-rebbiegħa tal-2019 (tliet xhur qabel l-elezzjonijiet Ewropej li għaddew). Barra minn hekk, 71% jgħidu li probabbilment jivvutaw. Għal darb’oħra dan jindika 10 punti aktar mill-aħħar elezzjoni.

Skont l-istess Ewrobarometru, f’Malta hemm aktar interess fil-votazzjoni mill-medja tal-UE, bi 68% issa jgħidu li huma interessati fl-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju (+ 11 pp meta mqabbla ma’ Frar/Marzu 2019, qabel l-aħħar elezzjonijiet Ewropej) u 72% jgħidu li x’aktarx jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin (+ 3 pp meta mqabbla mal-indikazzjonijiet qabel l-aħħar elezzjoni Ewropea fl-2019).

L-istħarriġ jissuġġerixxi wkoll li erbgħa minn kull ħames Ewropej jaqblu li “l-votazzjoni hija importanti biex id-demokrazija tibqa’ b’saħħitha” (81%) u li “l-votazzjoni hija importanti biex jiġi żgurat futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet li jmiss” (84%). Aktar minn tmienja minn kull għaxar Ewropej (81%) jemmnu li l-votazzjoni hija saħansitra aktar importanti fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali.

Il-filmat “Uża l-vot tiegħek” flimkien ma’ disa’ verżjonijiet oħra għat-televiżjoni, iċ-ċinema, ir-radju u l-midja soċjali se joħorġu fl-Istati Membri kollha mid-29 ta’ April 2024.