Malta mhux biss hija l-iżgħar, imma wkoll l-aktar stat membru densament popolat tal-Unjoni Ewropea. Iċ-ċokon u d-densità tal-pajjiż ħolqu soċjetà fejn kulħadd jaf lil kulħadd u fejn iċ-ċittadini u l-politiċi huma l-ħin kollu f’kuntatt  dirett.  

Dan  il-kuntatt kważi dejjem għandu x’jaqsam ma’ talbiet personali tal-votanti, li jvarjaw mis-sitwazzjoni tal-housingl-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet sa kwistjonijiet personali bħal mard, solitudni u relazzjonijiet fil-familja. Iċ-ċokon ta’ pajjiżna allura joħloq inċentivi b’saħħithom għal skambji klijentelistiċi li jsawru l-bażi tal-maġġoranza tal-kuntatti bejn iċ-ċittadini u  l-politiċi. 

Il-prevalenza tar-rabtiet bejn iċ-ċittadin u l-politiku hija relatata maċ-ċifri tassew għoljin ta’ votanti f’Malta, li dejjem jaqbżu d-90 fil-mija. Peress li r-rabtiet personali mal-politiċi huma mezz importanti għaċ-ċittadini biex jiksbu xi pjaċir, huwa importanti għall-votanti individwali liema politiċi u partit ikunu eletti fil-gvern. 

Barra minn hekk, iċ-ċokon ta’ Malta wkoll jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-politiċi biex jimmonitorjaw il-parteċipazzjoni ta’ ċittadini individwali. Dakinhar ta’ elezzjoni, rappreżentanti taż-żewġ partiti politiċi l-kbar iżommu nota ta’ min ivvota u min ma vvotax, u min jibqa’ assenti jiġi mfakkar fuq id-dmir li jivvota. Hawnhekk naraw li l-anonimità politika maħluqa miċ-ċokon ta’ Malta wkoll tikkontribwixxi għal politika klijentelistika u livelli għoljin ta’ parteċipazzjoni politika. 

Karatteristika oħra tal-politika Maltija li hija relatata maċ-ċokon u l-klijenteliżmu hija l-kapaċità tal-Gvern li jiddomina kompletament l-arena politika u dik soċjali. Ilkoll nafu li r-rebħiet elettorali f’pajjiżna jittraduċi ruħhom fil-kontroll kważi totali tal-istat mill-partit li jkun tela’ fil-gvern filwaqt li telfa elettorali tħalli lill-Oppożizzjoni u l-partitarji tagħha kważi kompletament bla saħħa. Il-Gvern jikkontrolla l-biċċa l-kbira tas-suq tax-xogħol, u l-impjiegi fis-settur pubbliku huma wieħed mill-benefiċċji li l-politiċi jistgħu jallokaw lill-partitarji tagħhom. 

Finalment, il-klijenteliżmu jista’ jkun relatat mar-rikorrenza  ta’ skandli ta’ korruzzjoni f’Malta, u l-kultura tal-impunità rigward uffiċjali korrotti. Meta d-dipendenza soċjali u ekonomika tan-nies fuq il-politiċi fil-poter tiżdied, il-klijenteliżmu jnaqqas l-abbiltà u r-rieda taċ-ċittadini biex iżommu lill-politiċi kontabbli għal għemilhom