Jeħtieġ li f’Malta jkun hawn qafas leġislattiv kontra s-cyberbullying għax dan il-fenomenu qed jikber u qed ikun ta’ pjaga fis-soċjetà tagħna. Għalhekk għandha tkun kontemplata strateġija nazzjonali sabiex din il-forma ta’ bullying tkun indirizzata. 

Diġà għandna qafas b’saħħhtu fejn għandha x’taqsam il-vjolenza domestika  imma fejn jidħlu forom differenti ta’ bullying, speċjalment il-bullying fuq l-internet permezz tal-Facebook, fuq il-ġurnali elettroniċi, fuq il-Whats App, m’hemmx infurzar leġislattiv. 

Il-problema tas-cyberbullying hi tali fejn persuna li tkun bullied titlaq minn post, tmur id-dar u meta tixgħel il-kompjuter issib li n-nies qed jgħidu fuqha. Hija ħafna iżjed faċli għal min iwettaq is-cyberbullying li jinħeba wara keyboard u jikteb li jrid, anki bi kliem dispreġjattiv. 

Din hija sitwazzjoni kontinwa u l-persuna ssibha diffiċli biex taħrabha. Fuq kollox hija sitwazzjoni iżjed perikoluża għax min iġarrab dan it-tip ta’ bullying jispiċċa waħdu u ma  jkunx jista’ jaqsam l-esperjenza ma’ ħaddieħor. Barra minn hekk hija wkoll sitwazzjoni ta’ umiljazzjoni kbira għall-vittma peress li l-pjattaforma hi ferm akbar u  qed ikun espost għal aktar ridikolu. Minħabba s-cyberbullying, m’hemmx l-appoġġ immedjat u allura f’dan il-każ huwa importanti biex min iġarrab  ifittex l-għajnuna ħalli ma jibqax waħdu. 

Jidher li l-problema tas-cyberbullying f’Malta hija mifruxa mal-etajiet kollha, miż-żgħar sal-kbar, speċjalment fost tfal li għandhom profil fuq Facebook. Fost l-adulti, is-cyberbullying huwa iżjed aggressiv fis-sens ta’ tonalità u lingwaġġ. Wieħed jispiċċa biex titkissirlu r-reputazzjoni, tant hu hekk li hawn min saħansitra jikkontempla s-suwiċidju għax ikun espost għal dan it-tip ta’ bullying. 

Voice of the  Workers jappella lill-ġenituri biex jiċċekkjaw x’qed jiġri minn uliedhom meta jkunu fuq l-internet. Jeħtieġ li  jkunu jafu  ma’ min qed jitkellmu u f’liema pjattaforma qegħdin. Hawn tendenza li xi tfal jibżgħu jitkellmu għax jaħsbu li se jiġu ġġudikati ħażin b’riżultat li dawn jingħalqu fihom infushom b’sentiment ta’ dgħufija li jista’ jirrifletti ruħu fi problemi psikoloġiċi. Għaldaqstant huwa importanti għall-ġenituri  biex  isegwu lil uliedhom u ma jittraskurawhomx. Dan għax qed immorru  lejn soċjetà li qed tkun wisq individwalista. Allura  huwa tajjeb li ngħallmu lit-tfal biex jissoċjalizzaw u  l-uniku  mod biex isir dan  hu li billi naqilgħuhom minn  fuq l-internet u nqattgħu  aktar  ħin magħhom. Fl-iskejjel isiru diversi attivitajiet edukattivi sabiex l-istudenti jkunu jafu aktar  bis-cyberbullying, il-konsegwenzi tiegħu u l-għajnuna li tista’ tingħata lil min jispiċċa vittma kawża tiegħu. Il-guidance teachers ukoll huma strumentali biex jgħinu kontra s-cyberbullying. 

Intant l-għarfien fuq is-suġġett  irid jibqa’ għaddej għax il-problema xorta waħda tibqa’ tikber. Huwa importanti li wieħed ifittex l-għajnuna, anki min iwettaq is-cyberbullying għax huwa n-nuqqas ta’ tfittix għall-għajnuna li qed iwassal għal problemi psikoloġiċi, speċjalment fost l-adulti.   

Kollox ma’ kollox, iridu jittieħdu iżjed passi konkreti biex ma nassumux li nistgħu niktbu li rridu fuq il-media soċjali u ma jkunx hemm konsegwenzi. Dan biex jitwassal il-messaġġ ta’ tolleranza zero għas-cyberbullying.