Bħalissa l-MEUSAC hi waħda minn tliet Ċentri ta’ Informazzjoni ta’ Europe Direct (EDIC) f’Malta. Dawn iċ-ċentri ta’ informazzjoni huma preżenti f’kull pajjiż tal-UE u jipprovdu punt ta’ referenza lokali għall-kwistjonijiet kollha marbutin mal-UE. 

Iċ-Ċentri ta’ Informazzjoni ta’ Europe Direct huma hemm sabiex iservu bħala punti ta’ kuntatt ħalli jwieġbu l-mistoqsijiet taċ-ċittadini fuq affarijiet relatati mal-UE bħalma huma d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini Ewropej u opportunitajiet ta’  fondi mill-UE. Permezz tal-walkin centre tal-EDIC fil-Belt, l-individwi huma provduti b’tagħrif u pubblikazzjonijiet mill-istituzzjonijiet Ewropej. Din l-informazzjoni hi mingħajr ħlas. 

Barra minn hekk, iċ-ċentri tal-EDIC, minn żmien għal żmien, ukoll jorganizzaw avvenimenti b’tema Ewropea mmirati għall-etajiet kollha. Bħalissa, EDIC Valletta qed torganizza sessjonijiet għat-tfal li jattendu SkolaSajf. Matul l-attivitajiet ta’ din  is-sena bit-tema Tfal għas-Sostenibbilta’, it-tfal għandhom l-opportunita’ li jitgħallmu aktar dwar il-Miri tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli. 

Matul is-sena EDIC Valletta wkoll torganizza avvenimenti b’tema Ewropea bħal Jum l-Ewropa u  r-Rokna Ewropea waqt Science in the  city, li saret parti mill-kalendarju tal-avvenimenti  f’Malta. 

Għal iżjed informazzjoni żur is-sit http://europedirectmalta.info/, ċempel fuq 2200 3316 jew inkella ibgħat email fuq edicvalletta.meusac@gov.mt