Ħtieġa li l-paga tal-ħaddiema Maltin tkun salvagwardjata u mtejba
Il-budget għall-2019 dalwaqt jitħabbar, sewwasew nhar it-Tnejn 22 ta’ Ottubru. Il-UĦM Voice of the Workers għamlet sensiela ta’ proposti u waħda li tispikka hi dwar il-ħarsien tal-pagi. Din il-union ilha għal diversi xhur tiltaqa’ ma’ każijiet ta’ ħaddiema fejn għalkemm il-liġi tgħid li l-paga hi sagrosanta, għal ħafna nies din mhix realtà.
Il-UĦM Voice of the Workers qed tisħaq dwar l-importanza li jkun hemm fond bħala salvagwardja għal dawk il-ħaddiema li ma jitħallsux is-salarji fil-ħin minħabba raġunijiet amministrattivi lil hinn mill-kontroll tagħhom. B’hekk il-paga ta’ dawn il-ħaddiema tkun assigurata
Huwa fatt li l-ekonomija sejra tajjeb. Imma kulħadd qed iħoss li l-ekonomija sejra tajjeb? Mill-indikaturi li l-UĦM għandha fil-pussess tagħha, jirriżulta li hawn żbilanċ bejn l-għoli tal-ħajja u l-paga medja. Għalkemm f’dawn l-aħħar snin il-paga medja ċċaqalqet ftit, meta titqabbel ma’ dik fl-Ewropa, il-paga medja f’Malta għadha lura. Iżda l-għoli tal-ħajja baqgħet l-istess. Jekk inqabblu dak li qed jiġri f’Malta u l-Ġermanja, insibu li l-paga medja għall-Ġermaniżi hi akbar minn tal-Maltin imma l-għoli tal-ħajja mhix daqshekk ‘il bogħod. Hawnhekk nikkonkludu li l-familji Maltin qegħdin fi żvantaġġ u allura rridu naraw kif se nindirizzaw din il-kwistjoni.
Il-ħaddiema barranin qed jaffettwaw is-suq tax-xogħol Malti. Għall-UĦM Voice of the Workers huwa fatt li l-influss tal-ħaddiema barranin qed ‘jiekol’ bis-saħħa tal-ħaddiema Maltin. Meta l-ħaddiem Malti qed jirrifjuta paga baxxa, qed isib lill-barrani li jieħu x-xogħol rifjutat mill-Maltin. Din il-kwistjoni trid tiġi indirizzata bis-serjeta’ għax kull ħaddiem Malti li jidħol fis-suq tax-xogħol għandu jgawdi mill-prinċipju ta’ equal pay for equal work. Imma sfortunatament bejn dak li tgħid il-liġi u x’qed jiġri fil-verita’, hemm baħar x’jaqsam. Dan b’detriment għall-Maltin. Barra minn hekk, ix-xejra hi li f’temp ta’ 10 snin oħra, in-negozjar kollettiv se jkun qed ibati ħafna.
Issa ejja ngħidu kollox. Mhux veru li l-ħaddiem Malti qed jirrifjuta x-xogħol, dment li x-xogħol huwa mħallas tajjeb. Kumpaniji u postijiet tax-xogħol fejn il-ħaddiema tagħhom huma mħallsin tajjeb m’għandhomx problemi ta’ nies li ma jridux jaħdmu. Il-Malti jrid jaħdem, jeduka ruħu u qed isir iżjed kolt permezz ta’ għarfien dwar is-suq tax-xogħol.
Min-naħa l-oħra kulmin jimpjega ħaddiema barranin jaf ukoll li mhux kollox hu ward u żahar. Fejn tidħol il-produttivita’ u l-kapaċita’ għax-xogħol, il-Maltin għandhom livell għoli. Fid-dawl tax-xejriet li nesperjenzaw illum, irridu naraw li l-ħaddiema Maltin jitħallsu pagi xierqa.
F’ekonomija li sejra tajjeb, għaliex il-pagi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema qed jibqgħu baxxi? Għaliex qed nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn qed jinġiebu l-ħaddiema minn barra a skapitu tal-ħaddiem Malti u anki a skapitu tal-konsumatur Malti?