Irridu nammettu li qed ngħixu fi żminijiet ta’ sfidi, hekk kif l-andament tal-bidla teknoloġika issa qed tkun karatterizzata b’taħlita ta’ innovazzjonijiet u applikazzjonijiet teknoloġiċi fosthom, id-diġitizzazzjoni, ir-robotika u n-nanotechnology. 

Hemm ħafna x’nistgħu niksbu mill-innovazzjonijiet teknoloġiċi u t-tkabbir fil-qawwa tal-kompjuters. Id-diġitizzazzjoni tejbet l-effiċjenza u l-produttivita’ fix-xogħol, fetħet il-bibien għall-komunikazzjoni dinjija, u għamlet id-dinja aktar sikura. Il-proċess tal-innovazzjoni huwa kontinwu u issa qed jinfirex għall-blockchains u l-cryptocurrencies, u l-prevalenza tal-intelliġenza artifiċjali u r-robotika. 

L-innovazzjoni teknoloġika mgħaġġla ħolqot opportunitajiet ġodda fin-negozju. Kumpaniji stabbiliti qed jibdlu l-mudelli ta’ negozju tagħhom biex jibqgħu preżenti, il-konsumatur dara jixtri fuq l-internet u l-gvernijiet qed jagħmlu użu mid-data fil-provvediment tas-servizzi u jsaħħu l-komunikazzjoni. 

L-innovaturi, dawk li jagħmlu l-politika u dawk  li jagħmlu użu mit-teknoloġija jkunu żbaljati jekk ma jikkunsidrawx l-element uman, u r-relazzjonijiet umani fis-soċjeta’. Il-persuna hi aktar importanti mid-data li toħroġ mill-kompjuter. Il-persuna għandha d-dinjita’, drittijiet u liberta’. Ir-rispett bla kundizzjoni tal-persuna hu l-uniku aspett essenzjali li għandu jiġi kunsidrat meta niġu biex nieħdu deċiżjonijiet u naġixxu f’ambjent ekonomiku. Il-komunikazzjoni soċjali u d-djalogu uman li hu miftuħ u sinċier, iżda dejjem interattiv, għandu  jkun aspett permanenti fil-proċess ta’ diskussjoni. Id-dinjita’ umana titlob solidarjeta’, ġustizzja u ħniena.   

Hemm żewġ punti li wieħed għandu jixtarr: it-teknoloġija qed tkun abbużiva, manipulattiva u vvizzjata? Id-diġitizzazzjoni u d-diversi effetti marbutin magħha, qed  ikunu ta’ theddida għax-xogħol tal-bniedem? It-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet hi xi ftit  jew wisq kumplessa.  Wieħed jibda billi jirreferi għall-qasma diġitali fis-soċjeta’ tagħna. Xi ħadd li jkun twieled fid-dinja diġitali jgawdi mill-vantaġġi li toffri t-teknoloġija fl-edukazzjoni kif ukoll meta jiġi biex jissoċjalizza f’ambjent diġitali. Min-naħa l-oħra, nies imċaħħda minn din ir-realta’ jsibu ruħhom fi żvantaġġ. Id-distribuzzjoni żbilanċjata tal-opportunitajiet toħloq differenzi, preġudizzju u ċaħda. Il-minoranzi hekk ikunu mwarrba minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet biex jitgħallmu u biex ikunu kwalifikati f’dak li qed ikun mitlub fid-dinja. 

Jista’ il-bniedem qatt jitwarrab biex floku teħodlu postu t-teknoloġija? X’inhuma l-implikazzjonijiet fuq ix-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali? Huwa veru li t-teknoloġija żiedet  l-ansjeta’, l-istress u problemi psikoloġiċi li qed jaffettwaw saħħet il-bniedem. Fuq in-naħa  l-oħra tal-munita,  naraw li d-diġitizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika jistgħu joffru aktar ħin lil dak li jkun għall-familja, il-ħbieb u għar-rilassament.  

Irridu naraw jekk aħniex inpoġġu l-ġudizzji tagħna fuq ir-responsabbilta’ u l-fiduċja. Ir-responsabbilta’ fit-teħid tad-deċiżjonijiet tmur lil hinn mill-għarfien biex ma ssirx ħsara lill-oħrajn, iżda dik li tinkoraġġixxi, tikkoopera u tiżviluppa lill-oħrajn billi ma jaqgħux lura f’dan il-moviment ta’ progress teknoloġiku. Hi wkoll kwistjoni ta’ fiduċja. Qegħdin nafdaw in-negozju, l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-istat, il-ġudikatura u r-regolaturi? Qed ngħixu fi żmien ta’ antipatija lejn min hu fl-awtorita’ li qed jiddiżżappunta lin-nies l-aktar minħabba l-ipokresija ta’ min hu hemm fuq u l-attitudni ta’ regħba u ċaħda għall-kontabbilta’ u d-diżonesta’. Din il-fiduċja fit-tmexxija trid tiġi lura jekk irridu nibnu mill-ġdid soċjeta’ li  tkun miftuħa għat-teknoloġija u li tafda dak li  hu  tajjeb u  ta’ benefiċċju għas-soċjeta’. 

Kollox ma’ kollox, id-diġitizzazzjoni hija realta’ li rridu nilqgħu llum. L-importanti hawnhekk hu kif il-kompjuter għandu jiddeċiedi meta jiġi biex jaffaċċja sitwazzjoni kritika. Fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-persuna umana m’għandhiex tiġi sostitwita minn makna. Fil-proċess tad-diġitizzazzjoni, kulħadd għandu jkollu l-opportunita’ li jipparteċipa u allura l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u l-aċċessibbilta’ għall-internet huma kruċjali. Kwistjonijiet ta’ privatezza u li tkun sid tad-data m’għandhomx ikunu sottovalutati għax huma marbutin mal-liberta’ tal-bniedem. Fl-aħħar mill-aħħar kollox jiddependi fuq it-tweġiba għal din  il-mistoqsija: kif għandna niżviluppaw il-futur tagħna?