Hemm bżonn ta’ pakkett ta’ irkupru ta’ €2 triljun biex il-COVID-19 tiġi indirizzata

F’resoluzzjoni dwar ir-reviżjoni tal-baġittal-UE wara l-2020 u l-pjan ta’ rkupru ekonomiku, il-MPE talbu pakkett b’saħħtu, iffokat fuq il-ħtiġijiet taċ-ċittadini li jibni fuq il-baġit tal-UE.

 

“Iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu fil-qalba tal-istrateġija ta’ rkupru”, enfasizzaw il-MPE, filwaqt li żiedu li l-Parlament se jibqa’ determinat biex jiddefendi l-interessi taċ-ċittadini. L-isforzi ta’ rkupru għandu jkollhom dimensjoni soċjali b’saħħitha, li tindirizza l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi u l-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar milquta mill-kriżi.

Il-Parlament jinsisti li l-“fond ta’ rkupru u ta’ trasformazzjoni” l-ġdid għandu jkun ta’ EUR 2 triljuni, jiġi ffinanzjat “permezz tal-ħruġ ta’ bonds ta’ rkupru b’data ta’ skadenza twila” u jkun “distribwit permezz ta’ self u, l-aktar, permezz ta’ għotjiet, pagamenti diretti għall-investiment u l-ekwità.” Huma jħeġġu lill-Kummissjoni biex ma tużax “multiplikaturi dubjużi biex jirreklamaw ċifri ambizzjużi”, u biex ma tużax “kreattivita finanzjarja”, hekk kif il-kredibbiltà tal-UE hija fil-periklu.

L-investimenti għall-rkupru għandhom ikunu żieda fuq il-programmi ffinanzjati mill-QFP

Il-pjan ta’ rkupru għandu jkun żieda fuq il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss, li huwa l-baġit fit-tul tal-UE, mhux għad-detriment ta’ programmi eżistenti u futuri tal-UE, il-MPE wissew . Barra minn hekk, huma jinsistu li l-QFP għandu jiżdied u jissottolinjaw li l-Parlament se juża s-setgħat tiegħu ta’ veto jekk it-talbiet tal-PE ma jiġux sodisfatti.

Il-flus ta’ rkupru “għandhom imorru għal programmi fil-baġit tal-UE”, biex jiġu garantiti s-sorveljanza u l-parteċipazzjoni parlamentari. Il-Parlament għandu wkoll ikun involut b’mod sħiħ “fit-tiswir, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-fond ta’ rkupru”. Huma jwissu lill-Kummissjoni biex ma tippruvax “tfassal strateġija ta’ rkupru Ewropea li tkun barra mill-metodu komunitarju u li tirrikorri għal mezzi intergovernattivi.”

Il-pjan għandu jiffoka fuq il-prijoritajiet fil-Patt Ekoloġiku u l-aġenda diġitali

Il-“pakkett ta’ rkupru massiv”, li l-MPE talbu diġà fir-riżoluzzjoni reċenti tagħhom ta’ April, għandu jdum biżżejjed biex jindirizza “ l-impatt mistenni kbir u fit-tul tal-kriżi attwali”. Huwa għandu “jittrasforma l-ekonomiji tagħna” billi jappoġġa l-SMEs, u “jżid l-opportunitajiet ta’ impjiegi u ħiliet biex jittaffa l-impatt tal-kriżi fuq il-ħaddiema, il-konsumaturi u l-familji”. Huma jitolbu li l-investimenti jingħataw prijorità skont il-Patt Ekoloġiku u l-aġenda diġitali u jinsistu fuq il-ħolqien ta’ programm Ewropew indipendenti ġdid tas-saħħa.

Ir-riforma tad-dħul tal-UE saret vitali

Il-MPE jtennu l-appell tagħhom għall-introduzzjoni ta’ grupp ta’ “riżorsi proprji” ġodda (sorsi ta’ dħul tal-UE), sabiex tiġi evitata żieda ulterjuri fil-kontribuzzjonijiet diretti tal-istati membri għall-baġit tal-UE biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-QFP u l-Fond ta’ Rkupru u ta’ Trasformazzjoni. Peress li l-limitu massimu għad-dħul tal-UE huwa espress fil-PGN, li huwa mistenni li jonqos b’mod sinifikanti minħabba l-kriżi, il-MPE jsejħu wkoll “għal żieda immedjata u permanenti tal-limitu massimu tar-Riżorsi Proprji.”