Il-popolazzjoni tad-dinja dalwaqt tilħaq it-tmien biljun persuna. Dan jittraduċi ruħu fir-rimi ta’ tmien biljun biċċa ta’ affarijiet li jintużaw darba. Il-bżonn li jsir xi ħaġa fuq dan il-punt huwa kritiku. 

L-użu tal-karozza privata għall-mobbiltà personali huwa każ simili. Fortunatament jew sfortunatament, jiddependi fuq il-perspettiva ta’ dak li jkun, mhux kulħadd għandu l-istess livell ta’ aċċess għat-trasport motorizzat fid-dinja. Dawk li għandhom livell għoli ta’ aċċess iniġġsu l-aktar. Niftakru li Malta hija wieħed minn dawn il-pajjiżi. 

Dawn l-effetti kollha jiġu bi prezz. Spiża, fost oħrajn, lill-ekonomija li trid timmaniġġja l-iskart, il-provvista (li tiswa l-flus) tal-ilma permezz tar-reverse osmosis u t-tmexxija tat-traffiku hekk kif id-domanda qed tiżdied. Finalment, l-aħħar prezz huwa indirizzat lejn is-saħħa u l-ħarsien tagħna. Il-popolazzjonijiet li joqogħdu fl-ibliet se jkunu affettwati b’mod negattiv bi prattiċi mhux sostenibbli, b’dawk l-aktar żvantaġġjati jġorru l-itqal piż peress li ma jifilħux jixtru l-aħjar prodotti, li jkollhom aċċess għall-aħjar kura medika jew li jmorru jgħixu f’lokalitajiet iżjed indaf meta t-tniġġis u l-iskart isiru insupportabbli. 

Studji lokali diġà stmaw l-ispejjeż ta’ prattiċi mhux sostenibbli f’xi setturi. Jirriżulta li spejjeż esterni relatati mat-tniġġis fl-arja, l-addattament  għall-bidla fil-klima, l-inċidenti, l-istorbju u l-konġestjoni li ġejja mill-użu ta’ vetturi kummerċjali u karozzi privatikienu laħqu l-istima ta’ €274 miljun fl-2012. Dawn kienu stmati li jiżdiedu sa €317 miljun sa tmiem din is-sena. Studji oħrajn li saru dwar il-qasam tas-Saħħa stmaw li kważi 600 persuna jmutu qabel il-waqt kull sena f’Malta u dan minn mard relatat mat-tniġġis. Dan l-impatt ambjentali għandu iżjed riperkussjonijiet fuq l-ekonomija u fuq is-soċjetà tagħna. 

Jeħtieġ li nbidlu l-mentalità u naħsbu fuq il-ħarsien tal-persuna bħala l-aktar indikatur ġust ta’ tkabbir milli żieda sempliċi fil-Prodott Domestiku Gross. Jekk nużaw il-ħarsien bħala kejl, mela kull wieħed u waħda minna nistgħu nikkunsidraw lilna nfusna bħala kontributuri attivi għall-iżvilupp sostenibbli. 

L-industrija għandha responsabbiltà lejn is-sostenibbiltà. Din tista’ tvarja minn miżuri individwali sempliċi għal obbligi ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva. Imma fl-aħħar mill-aħħar ilkoll iservu l-istess għan: li jassiguraw dinja iżjed ġusta għalina u għall-oħrajn kif ukoll għal dawk li se jiġu warajna.