Wara l-preżentazzjoni mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen u l-wegħda mir-rappreżentanta tal-Presidenza Kroata tal-Kunsill Nikolina Brnjac li l-presidenza se taħdem mal-istati membri biex jiġkonkluzi malajr in-negozjati mal-Parlament dwar il-pakkett il-ġdid, il-mexxejja tal-gruppi politiċi taw l-ewwel reazzjonijiet. [Ikklikkja fuq l-ismijiet biex tara d-dikjarazzjonijiet individwali]. 

“Is-solidarjetà Ewropea reġgħet magħna u qed niftħu kapitolu ġdid għall-UE”, qal Manfred Weber (PPE, DE). Il-flus il-ġodda jeħtieġ li jintefqu fuq ideat ġodda u mhux fuq il-problemi l-qodma tal-Ewropa. “Is-solidarjetà timxi id f’id mar-responsabbiltà”, għalhekk irid ikun ċar kif il-flus se jitħallsu lura, huwa qal. Weber appella għal riżorsi proprji tal-UE ġodda, u biex il-ġganti diġitali jħallsu l-parti tagħhom.  

Iratxe García Perez (S&D, ES) irringrazzjat lil von der Leyen għall-proposta ambizzjuża u talli qed tati lill-PE “ir-rwol li ħaqqu” fid-disinn tal-pakkett ta’ rkupru. García wissiet li s-sopravivenza tal-proġett Ewropew hija f’riskju, u ħeġġet lill-Kunsill biex jadotta l-QFP il-ġdid b’maġġoranza kwalifikata biex jevita li l-UE tinżamm “ostaġġ minn erba’ stati membri li jippreferu rispons nazzjonali għal rispons Ewropew”.  

“Dan huwa pjan bla preċedent fl-istorja tal-Ewropa” qal Dacian Ciolos (Renew, RO). “Il-QFP u l-pjan ta’ rkupru għandhom jiffukaw fuq il-futur”, bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-aġenda diġitali bħala pedamenti, huwa qal. “Nistgħu ma naqblux fuq xi dettalji, imma jien verament nilqa’ l-approċċ” qal Ciolos, waqt li fakkar lill-istati membri li “l-UE mhix magna tal-flus. Is-solidarjetà tiġi mal-valuri”.  

Jörg Meuthen (ID, DE) irrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni bħala “kompletament żbaljata u bla sens”, mingħajr bażi legali xierqa u nieqsa mir-responsabbiltà jew sens ekonomiku. Il-Kummissjoni trid tonfoq flus “bħallikieku għada ma jasal qatt”. Dan huwa prezz enormi għall-kontribwenti Ewropej, huwa qal.  

Ska Keller (Ħodor, DE) qalet: “Ma nistgħux nirrepetu l-iżbalji kbar tal-passat u nisfurzaw l-awsterità fuq il-pajjiżi u l-ideoloġiji għomja tas-suq. Anzi għandna bżonn niżguraw li l-flus jiġu investiti sew fi proġetti li jgħinu fuq medda ta’ żmien fit-tul, joħolqu l-impjiegi u jsalvaw il-pjaneta waħda li għandna.”  

“Jekk se nippermettu s-self u l-għotjiet, irid ikun hemm kundizzjonijiet ċari’” qal Johan van Overtveldt(ECR, BE). “Il-flus iridu jintużaw fejn hu meħtieġ l-iktar, u għandu jkun hemm mekkaniżmi ta’ sigurtà fis-seħħ għan-negozji tagħna. Nies li jaħdmu u jġemmgħu ma għandhomx ikollhom iħallsu għal dawn il-programmi”.  

“Minflok inqata’ għal kollox mid-dogmi tal-passat”, dan il-Pjan ta’ Rkupru jieqaf “nofs triq” qalet Manon Aubry (GUE / NGL, FR). Waqt li laqgħet il-proposti l-ġodda dwar ir-Riżorsi Proprji, hija sejħet għall-kanċellazzjoni tad-dejn tal-kriżi, għal self perpetwu dirett lill-Istati Membri, u għal appoġġ pubbliku kkundizzjonat fuq konsiderazzjonijiet soċjali.  

Il-Kummissjoni żvelat ukoll il-Programm ta’ Ħidma aġġustat tagħha għall-2020, li ser jipprijoritizza l-azzjonijiet meħtieġa biex jimbuttaw l-irkupru u r-reżiljenza tal-Ewropa.