Ħaddiema mar-regolatur tat-trasport jinsabu rrabjati bil-kbir minħabba il ilhom ’il fuq minn sentejn jistennew ftehim kollettiv ġdid. Dan “id-dewmien inaċċettabbli” li qed jolqot ’il fuq minn 400 impjegat ta’ Transport Malta wassal biex il-UHM Voice of the Workers toħroġ ultimatum, li jekk mhux se jkun rispettat se tirrikorri għal azzjoni industrijali.

It-taħditiet dwar dan il-ftehim kollettiv ilhom għaddejin mill-2020, is-sena li fiha kien skada l-ftehim kollettiv l-antik. Il-Maniġer tat-Taqsima Trasport tal-UHM Kenneth Abela qal lil Voice of the Workers Weekly li kien biss dan l-aħħar li Transport Malta preżentat il-kontro-proposti tagħha.

Għalkemm in-negozjati bdew qabel l-iskadenza tal-ftehim l-antik, il-proċess waqaf wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2022 li hekk kif tħabbret, twaqqfu t-taħditiet, u sussegwentement minħabba sensiela ta’ bidliet fit-tmun tal-awtorità – xejn inqas minn tliet kapijiet eżekuttivi fi ftit aktar minn sena. F’Ġunju tal-2022, l-eks Brigadier tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi inħatar fit-tmexxija minflok Joseph Bugeja, iżda l-mandat tiegħu dam inqas minn 12-il xahar wara li ġie sostitwit minn Jonathan Borg li ħa f’idejh it-tmexxija fil-bidu ta’ dan ix-xahar.

“In-negozjati ġew sospiżi minn Transport Malta l-ewwel minħabba l-elezzjoni ġenerali u sussegwentement kull darba kien hemm kap eżekuttiv ġdid bl-iskuża li ried jingħata rendikont tas-sitwazzjoni qabel jitkompla l-proċess,” sostna l-maniġer tat-taqsima.

Fir-realtà, dawn il-bidliet ma affettwawx lin-negozjaturi tal-gvern – it-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali – u d-dipartiment tar-riżorsi umani ta’ Transport Malta peress li matul il-proċess baqgħu l-istess nies. Konsegwentement, ma kien hemm ebda ġustifikazzjoni biex il-proċess jittardja b’aktar minn sentejn.

“F’dan l-istadju, il-UHM infurmat lil Transport Malta li jekk ma kienx se jkun hemm żviluppi sal-10 ta’ Mejju, ma jkollna ebda għażla oħra ħlief li nirrikorru għal azzjonijiet industrijali,” żied jgħid is-Sur Abela.

Mistoqsi x’miżuri jistgħu ikunu qed jittieħdu, huwa qal li xejn ma qed ikun eskluż.

“Fl-aħħar mill-aħħar, il-ballun jinsab f’saqajn Transport Malta u kollox jiddependi minnhom, jekk hux se jippreżentaw kontro-proposta tajba,” kompla l-maniġer tat-taqsima.

Irrimarka li l-ħaddiema qed jintlaqtu ħażin minn dan id-dewmien fid-dawl taż-żieda rekord fl-għoli tal-ħajja fl-aħħar sentejn li naqset b’mod sinifikanti s-saħħa tal-pagi. S’issa, l-proposta mressqa minn Transport Malta hi inferjuri ma’ dawk li saru fil-ftehim kollettiv l-antik, peress li l-pakkett finanzjarju huwa ferm inqas minn dak li kien offrut qabel.