L-Iskema tal-Ġbir u r-Riċiklaġġ tal-Fliexken kienet pass fid-direzzjoni t-tajba peress li rriżultat fi tnaqqis drastika fir-rimi ta’ kontenituri tal-plastik fl-ambjent. Sal-lum inġabru madwar 60 miljun kontenitur tal-plastik, u b’hekk qed nikkontribwixxu għall-ekonomija ċirkolari.

Madankollu, l-iskema fiha aspetti li għandhom jiġu indirizzati. F’dan ir-rigward il-mod kif topera l-iskema iħalli togħma morra. Taħt din l-iskema, il-konsumaturi jridu jħallsu depożitu ta’ 10ċ, li tista’ ssejħilha taxxa, fuq il-biċċa l-kbira tal-kontenituri tax-xorb. Dawn il-flus jinġabru lura meta l-kontenituri jintremew kif suppost. Fil-prinċipju, dan huwa l-istess mudell li għexieren ta’ snin ilu kien jintuża għall-fliexken tal-ħġieġ tas-soft drinks, b’differenza kbira waħda. L-iskema tal-BCRS tiddependi fuq ir-reverse vending machines u hawnhekk jibdew il-problemi. Filwaqt li m’hemm xejn ħażin li tobbliga lill-konsumaturi jarmu l-kontenituri f’dawn il-magni biex jieħdu lura d-depożitu ta’ 10ċ, fil-prattika dan qed ikun ta’ inkonvenjent kbir.

L-ewwelnett, in-numru ta’ magni għadu limitat li jfisser li f’ċerti żoni l-konsumaturi qed ikollhom jistennew ħin twil biex jieħdu flushom lura r u xi drabi jibqgħu b’xiber imnieħer għax sakemm imisshom il-magna timtela u tieqaf taħdem. It-tieni nett, is-sitwazzjoni qed tiġi aggravata minn kwistjonijiet tekniċi li qed iwasslu biex il-magni jieqfu. Żvantaġġ ieħor huwa li l-kontenituri jridu jinżammu f’kundizzjoni perfetta għax inkella l-magna ma teħodhomx. Konsegwentement, il-familji qed jispiċċaw b’volumi kbar ta’ fliexken tal-plastik li min-naħa tagħhom joħolqu problemi ta’ fejn se żżommhom.. L-agħar milquta huma l-anzjani u dawk li m’għandhomx mezz ta’ trasport privat, peress li qed jaqtgħu qalbhom minn din l-iskema sakemm ma jsibux xi qarib jew ħabib li joħdilhom dawn il-kontenituri. B’mod partikolari, din l-iskema qed tħalli impatt negattiv fuq in-nies bi problemi ta’ mobbiltà.

Kwistjoni oħra li tqajjem mistoqsijiet hija l-fatt li l-operatur isostni li huwa bbażat fuq mudell fejn l-ewwel skop mhux li jsir profitt. F’dan il-każ, il-konsumaturi jistennew aktar trasparenza fuq dik it-taxxa li qed tinġabar li mhix qed tiġi miġbura mill-konsumaturi. Ħaqqna spjegazzjoni x’qed isir bil-flus miġbura għal dawk il-kontenituri li mhux qed jintremew fil-magni. Forsi, wasal iż-żmien li nindirizzaw l-għeruq tal-problema billi nnaqqsu d-dipendenza fuq il-kontenituri tal-plastik. Ma jkunx aktar sempliċi li wieħed imur għand tal-ħanut u jibdel il-kontenituri, bħalma konna nagħmlu snin ilu mingħajr ma jkollna niddependu fuq il-magni?